Kummissarji Impressjonati – One News

Notifiki

Kummissarji Impressjonati

• Jitkellem ukoll dak responsabbli mit-tibdil fil-klima

• Ġejjin minn kull sfond politiku, inkluż il-PPE tal-PN

Tliet membri tal-Kummissjoni Ewropea żaru l-impjant tal-gass ta’ Dellimara mal-Ministru Konrad Mizzi u t-tlieta kellhom l-istess kummenti pożittivi. Għalkemm Simon Busuttil mar fil-Parlament jgħajjar lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, responsabbli mill-enerġija, Maroš Šefčovič, għax żar l-impjant tal-gass mal-Ministru Konrad Mizzi, wara Šefčovič marru żewġ Kummissarji Ewropej oħra.

Filwaqt li l-Kummissarju Šefčovič ġej mill-familja tal-Partit Soċjali, iż-żewġ Kummissarji li segwewh ġejjin mill-familja tal-Liberali u saħansitra l-Partit Popolari Ewropew, il-Partit li tiegħu huwa membru l-Partit Nazzjonalista.

Fil-fatt, Miguel Arias Cañete, responsabbli mit-tibdil fil-klima żar il-post u qal: “Kont impressjonat ħafna b’dan l-impjant. Il-fatt li Malta kienet gżira bi problemi li jkollha sigurtà tal-provvista u issa għandha l-interconnector u se tipprovdi enerġija bil-gass li jħammeġ inqas mill-heavy fuel oil huwa pożittiv. Huwa pożittiv li jkollok enerġija li iktar jifilħu jħallsu għaliha, iktar sigurtà u iktar sostenibbli,” iddikjara Miguel Arias Cañete.

Fisser kif dan seħħ skont id-direttivi tal-Unjoni Ewropea. “Dan hu proġett tajjeb għal Malta u kuntent li l-Kummissjoni Ewropea approvat il-proċess marbut mal-istate aid u se jgawdu l-konsumaturi kollha f’Malta,” qal Cañete.

Iż-żjara u l-kumment ta’ Cañete segwew dawk tal-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-kompetizzjoni, Margrethe Vestager.

Meta żaret il-proġett, il-Kummissarju Vestager għamlitha ċara li għall-Unjoni Ewropea m’hemmx kwistjonijiet. Il-kapitlu huwa magħluq darba għal dejjem. “Ifisser li ma jistgħux isiru iktar mistoqsijiet meta niġu għal state aid. Hemm ċertezza legali, li la l-Kummissjoni Ewropea u lanqas ebda stat membru ma jista’ jgħid xejn. Iċ-ċertezza li nagħtu aħna hija ħaġa tajba u importanti ferm fi proġett kbir bħal dan,” qalet Verstager.

Vestager fissret kif l-analiżi tal-Kummissjoni Ewropea kienet waħda dettaljata, u f’jum fejn fih segwiet it-trasferiment tal-ewwel konsenja tal-gass f’pajjiżna għall-ġenerazzjoni tal-elettriku, Vestager mhux biss ikkumentat dwar il-proċess analitiku tal-Kummissjoni Ewropea, iżda anke dwar il-proġett innifsu.

“Nammira dan kollu. Nammira t-teknoloġija li hemm fiha u nammira l-ambizzjoni li kien hemm biex jinkisbu benefiċċji ambjentali u prezzijiet orħos. Naħseb li dawn huma importanti għal kull ċittadin,” qalet Verstager.

Dawn il-kummenti jkomplu jiżolaw lil Simon Busuttil bħala vuċi negattiva dwar dan il-proġett. Sa minn qabel l-elezzjoni ġenerali kien kontra tiegħu u wara li sar Kap tal-Partit Nazzjonalista intensifika l-kampanja tiegħu bi protesti kontinwi dwar il-proġett, b’mistoqsijiet fl-istituzzjonijiet Ewropej u saħansitra lobbying kontra tiegħu minn wara l-kwinti. Iżda, l-Kummissjoni Ewropea mhux biss tatu l-approvazzjoni tagħha permezz tal-proċess burokratiku iżda wkoll permezz ta’ dikjarazzjonijiet fil-miftuħ ta’ uffiċjali għolja tagħha.

CASA KIEN MAR JISTAQSI LIL VERSTAGER

L-ewwel li kien mar jiġri għand il-Kummissarju Verstager kien id-Deputat tal-Parlament Ewropew, David Casa.  Saħansitra għamel dan lura f’Ottubru 2015.

“Fid-dawl tal-bini ppjanat ta’ impjant tal-enerġija f’Malta, il-konsorzju ElectroGas intgħażel bħala ‘l-offerent preferut’ biex jibni l-impjant tal-enerġija u jiżgura l-provvista ta’ gass naturali. Madankollu, aktar tard ġie żvelat li ElectroGas jirċievi garanzija tal-Gvern li tammonta għal madwar EUR 400 miljun.

Fid-dawl tal-fatt li l-għoti ta’ garanzija tal-Gvern tħabbar biss ħafna wara li ntgħażel l-offerent preferut, din l-irregolarità serja, li toħloq piż sproporzjonat u bla bżonn fuq il-pubbliku Malti, tikkostitwixxi diskriminazzjoni fil-konfront ta’ offerenti potenzjali oħra li ma setgħux ikunu jafu bl-għoti ta’ garanzija tal-Gvern? Din ma tivvizzjax il-proċess ta’ offerti? Il-Kummissjoni se tinvestiga jekk din l-irregolarità tiksirx id-dritt tal-UE?”

It-tweġiba lil David Casa, Verstager tatilu din il-ġimgħa quddiem il-kameras tat-televiżjoni.

Dan l-artiklu ssibu fil-gazzetta KullĦadd
Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend