Taħt iz-zero | One News

Notifiki

Taħt iz-zero

Iva, fuq it-temperatura se nitkellem. Ma nafx kemm il-darba smajt lil xi ħadd jgħid “x’bard” jew rajt lil xi ħadd jikteb fuq Facebook li qiegħed ġewwa għall-irdoss din il-ġimgħa, jew propja dawn il-jumejn. It-temperatura vera nieżlet u niezlet sew. Jien ngħid ħallih ħa jagħmel għax issa żmienu. Ix-xitwa hija staġun, u bħal staġuni oħra, titgerbeb biex tħalli postha għar-rebbiegħa u wara għas-sajf u ċ-ċirku dejjem idur. Ix-xitwa ma tinkwetaniex, anzi nħobbha.

Jien li jdejjaqni jew li jimeraviljani għax naħseb kelma aħjar biex tintuża fil-kuntest li se nitkellem dwaru, hija li tibqa’ statiku ma tagħmel xejn, sakemm ma tmurx lura wkoll. X’ħin tibda l-kesħa kulħadd jaħseb għall-gvieret u l-kutri, għal xi daqsxejn heater u għal xi ħaġa sħuna, tagħmel dan biex tilqa’ għall-bard.

Simon Busuttil jagħmel bil-kontra. Meta tiġi x-xitwa joħroġ bin-nofs koma u bix-shorts, għax jaħseb li t-temperatura mhux se taffetwah.

Irid jagħmilha tal-cowboy, pero fiss jerġa’ jinduna, għax diġa’ għadda minnha kważi 4 snin ilu, li ħafna drabi r-riħ hu jibilgħu, għax meta togħdos fir-ramel, meta taħseb li ħadd ma jista’ għalik, tispiċċa togħtor.

Illum avolja t-temperatura kważi tinħass taħt iz-zero, Busuttil għadu ma tgħallimx li trid tilbislu, għadu ma fehmx li l-istaġuni ma jdurux miegħu, iżda li hu jdur magħhom.

Illum huwa ovvja li l-unika ħaġa li hija fiċ-ċert u mhux biss għax tinħass hekk, iżda għax hija ċara hija li kliemu huma taħt iz-zero.

Ma tistax tieħdu bis-serjetà. Każ wara każ ta’ dawk ta’ madwaru, l-iktar riċenti u fuq fomm kulħadd bħal kesħa, huwa l-każ ta’ Jason Azzopardi. Azzopardi li ma ddejjaq xejn jgħid li se jsib kompromess lil Żaren Vassallo biex frankalu €7.3miljuni minn €8miljuni fuq biċċa art li suppost kellha sservi biss għall-birra. L-unika kompromess li ma sabx Jason Azzopardi u sħabu li kienu jduru mal-mejda tal-Kabinett fl-aħħar Gvern tal-PN, bħal Simon Busuttil, huwa kif se jagħtu lura l-€500 żejda li ħadu mingħand il-poplu Malti u Għawdxi.

Jidher ċar li Simon ma jridx jitgħallem li fil-ksieħ trid tilbes u wara li ħa riħ riħun fl-2013, qed jistieden bronki fid-darba li jmiss. Qabel ma tgħid lil ħaddieħor biex jilbes, ilbes inti wkoll.

Fil-fratemp ma tagħmlu xejn ħazin jekk tpoġġu l-kitla fuq il-cooker u tferrgħu ftit kafe, għax kesaħ vera.

Ta’ QabelLi Jmiss
Nigel Vella huwa Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Gradwat mill-Università ta’ Malta fl-Istorja u ilu attiv fil-politika minn mindu kellu 16–il sena. Ħadem f’bosta Għaqdiet bħall-FŻL u l-għaqda tal-istudenti PULSE. Kitbitu se tmur lil’ hinn mill-politika li zgur ser tkun it-tema li tiddomina l-blog tiegħu, iżda permezz tal-kliem sempliċi jridu jitwasslu opinjonijiet oħra fuq materji oħra. Li hu zgur huwa li mhux se jkun hemm tidwir mal-lewża u logħob bil-bżalu.

Send this to a friend