“Oppożizzjoni li tipprova ddaħħal il-politika partiġġjana u tiżra d-dubji f’kollox” – One News

Notifiki

“Oppożizzjoni li tipprova ddaħħal il-politika partiġġjana u tiżra d-dubji f’kollox”

Huwa ta’ għajb kif l-Oppożizzjoni ta’ pajjiżna qed tipprova tattakka u tiżra d-dubji anke fuq proċedura ġdida li ntlaqgħet tajjeb ħafna ta’ kif wieħed jirtira jew iħassar prokura, intqal hekk fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u għall-Gvern Lokali.

Il-Ministeru qal li sa ftit ilu, il-proċedura biex wieħed jirtira jew iħassar prokura kienet waħda burokratika, arkajka u li kienet tiswa liċ-ċittadin madwar €2,000.  Tant kemm is-sistema kienet diffiċli li ħafna nies ta’ rieda tajba kienu jaqtgħu qalbhom milli jsegwuha b’detriment għad-drittijiet tagħhom.

Bil-proċedura l-ġdida, dak li qabel kien jiswa €2,000 issa ġie jiswa €50, bl-Uffiċċju tan-Nutar Ewlieni tal-Gvern ikollu rwol li jipproċessa r-revoki ta’ prokuri u joħloq reġistru online b’informazzjoni dwar prokuri li ġew revokati li jista’ jsir aċċess għalih mill-partijiet interessati.

L-istqarrija tgħid li din il-proċedura l-ġdida kienet frott ta’ konsultazzjoni wiesgħa ħafna ma’ diversi stakeholders ewlenin. Minn din id-diskussjoni wiesgħa ħafna ħareġ biċ-ċar li, minħabba l-impatt li abbuż ta’ revoka ta’ prokura jista’ jġib, ir-revoka tal-prokura għandha ssir b’mod fiżiku u mhux b’mod online.  L-Uffiċċju tan-Nutar Ewlieni tal-Gvern diġà spjega li s-sistema l-ġdida tipprovdi li l-proċess tar-revoka (mhux applikazzjoni) ifisser li, fl-aħħar mill-aħħar, il-firem relattivi jridu jsiru dejjem b’mod awtentiku u dan biex ikun hemm iktar serħan il-moħħ u iktar salvagwardji li trid il-liġi.

Il-Ministeru temm jgħid li għalhekk kull allegazzjoni ta’ ħofor u nases huma biss invenzjoni ta’ Oppożizzjoni negattiva li ma tistax taċċetta li, wara ġenerazzjonijiet ta’ inattività fis-settur legali, fl-aħħar hawn Gvern li qed jirriforma s-sistemi tal-ġustizzja għall-aħjar għall-benefiċċju taċ-ċittadini.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend