Ħabs u messaġġ mill-Qorti – One News

Notifiki

Ħabs u messaġġ mill-Qorti

Żagħżugħ li lejliet l-ewwel tas-sena daħal jisraq minn ħanut fiż-Żejtun u għamel dan b’sikkina f’idu li biha hedded lill-persuni li kien hemm fil-ħanut intbagħat sena u nofs ħabs. Fl-istess ħin il-ħati tqiegħed taħt ordni ta’ superviżjoni. Fis-sentenza tagħa l-qorti qalet li r-reat huwa gravi tant li ż-żagħżugħ jistħoqlu l-ħabs anke jekk skuża ruħu mal-vittmi preżenti fl-awla.

Xi ħaġa li l-Maġistrat Joe Mifsud iddeskriva bħala element important ħafna tal-ġustizzja riparattriċi fejn ħati jiffaċċja l-vittma tiegħu u jitolbu skuża. Fis-sentenz ntqal li li l-Qorti trid tipprova tagħti cans lil Wayne Caruana jaqbad it-triq it-tajba, jieħu trattament ghall-vizzju li ghandu u ma jibdiex karriera dieħel u ħiereg il-ħabs. Għalhekk tqiegħed taħt is-supervizjoni t’Ufficjal Sorveljanti għal perijodu ta’ tliet snin millum.

Fis-sentenza tiegħu l-Maġistrat għamel ukoll riflessjoni dwar dak li jingħad. Qal li l-opinjoni pubblika hija importanti ħafna biex ikun hemm demokrazija sħiħa f’pajjiż. “Iżda, f’pajjiżna m’għandniex Qrati tal-poplu u għandna Qrati li dejjem kienu t-tarka tad-drittijiet ta’ dawk kollha li ressqu quddiemhom sabiex titwettaq ġustizzja,” iddikjara l-Maġistrat. Il-Maġistrat żied li tajjeb li Ġudikant meta jkun qiegħed jiddeċiedi jieħu kont tal-impatt tar-reat fuq is-soċjeta’ u tar-reazzjoni tas-soċjeta’ għal dak it-tip ta’ reat.

“Iżda l-ġudikant mhux qiegħed hemm biex jissodisfa l-għajta ta’ dawk li, ma’ kull sentenza, tarahom jiktbu fil-gazzetti jew f’xi blog fuq l-internet biex jikkritikaw kollox u bl-addoċċ għax mingħalihom li saru issa esperti anke fil-liġi u fil-mod kif is-sentenzi ghandhom jiġu deżiżi,” qal il-Maġistrat Mifsud.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend