“Il-Presidenza f’Malta rilevanti ħafna għall-migrazzjoni u s-sigurtà” – One News

Notifiki

“Il-Presidenza f’Malta rilevanti ħafna għall-migrazzjoni u s-sigurtà”

Il-kriżi tal-migrazzjoni u t-tisħiħ tas-sigurtà fl-Ewropa kienu t-temi ewlenin ġew diskussi flaqgħa bilaterali li l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, kellu mal-Ministru l-ġdid tal-Intern tar-Repubblika Taljana, Marco Minniti.

Il-laqgħa saret fil-Ministeru, il-Belt Valletta, nhar l-Erbgħa 4 ta’ Jannar 2017 u kienet l-ewwel waħda tax-xorta tagħha li kellu l-Ministru Abela minn mindu, fl-ewwel tas-sena, Malta ħadet il-Presidenza b’rotazzjoni tal-Kunsill tal-UE.

 Il-Ministru Abela qal li, fl-irwol tiegħu ta’ President tal-laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri tal-Affarijiet Interni tal-UE, jagħraf li l-futur tal-Unjoni Ewropea jiddependi mid-deċiżjonijiet li se jittieħdu fil-preżent mill-Istati Membri fuq il-migrazzjoni. 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Minniti esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-kooperazzjoni eċċellenti li teżisti bejn iż-żewg pajjiżi ġirien,li għandhom l-istess għanijiet fuq diversi materji. Qal li, għalhekk, fl-oqsma tal-migrazzjoni u s-sigurtà l-Italja qed tħares lejn il-Presidenza Maltija bħala waħda ta’ relevanza kbira. 

 Filwaqt li ta rendikont tas-sitt prijoritajiet ewlenin tal-Presidenza Maltija għas-sitt xhur li ġejjin,il-Ministru Abela qabel mal-Ministru Minniti fuq l-importanza ta’ dawn is-sitt xhur li ġejjin biex jittieħdu deċiżjonijiet kruċjali fuq il-migrazzjoni  fl-Ewropa. Huma osservaw li Malta se tkun l-aħħar pajjiż Mediterranju li se jkollu f’idejh il-Presidenza tal-UE għal bosta snin

Bħala pajjiż tal-fruntiera, pajjiżna ilu snin twal milqut direttament mill-fenomenu tal-migrazzjoni u mill-isfidital-immaniġġjar tiegħu. Għaldaqstant, jista jifhem dak li llum għaddejja minnu l-Ewropa kollha kemm hi.

 F‘dawn l-aħħar snin kien hemm tibdil fir-rotot tal-migrazzjoni li wassal biex pajjiżi li qatt makienu messew ma din l-isfida, illum jinsabu milquta  wkoll. “Il-migrazzjoni llum m’hijiex problema ta’ ftit pajjiżi fil-Mediterran, imma tal-Ewropa kollha, u kulħadd irid jagħti s-seħem tiegħu,” enfasizzaw iż-żewġ ministri. Il-Ministri Abela u Minniti esprimew l-ottimiżmu tagħhom għal iżjed ħidma impenjattiva u kooperazzjoni bejn Malta u l-Italja fuq oqsma daqstant kruċjali. 

 Il-Ministru Minniti laħaq Ministru tal-Intern tal-Italja x-xahar li għadda u jifforma parti mill-gvern Taljan il-ġdid immexxi minn Paolo Gentiloni. Din kienet l-ewwel żjara tiegħu f’Malta, li ħadet biss ftit sigħat u li l-għan tagħha kien proprju l-laqgħa mal-Ministru Abela.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend