Kull inċident fatali jfakkru f’Menrick – ir-rakkont ta’ missier li jibża’ dejjem u ma jinsa qatt – One News

Notifiki

Kull inċident fatali jfakkru f’Menrick – ir-rakkont ta’ missier li jibża’ dejjem u ma jinsa qatt

Dak li ġara malli bdiet is-sena, bil-mewta traġika ta’ żagħżugħ Mosti f’inċident tat-traffiku, qanqal memorji lill-famlija Yeomans.

Binhom Menrick tilef ħajtu tnax-il sena ilu.

“Il-ħabta kienet fil-mina ta’ Santa Venera. Mietu tnejn, għalkemm tiegħi kien passiġġier. Kien għal Settembru, ġejjin minn tas-Sliema, għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu” jirrakkonta missier Menrick, Godwin.

menrick2“Tibża’ dejjem, u ma tinsa’ qatt” iddeskriva s-sitwazzjoni l-missier migugħ. “Ġejjin u sejrin iċ-ċimiterju. X’tagħmel? Kienu kollu saħħa… kien jilgħab il-football ma’ Ħal Tarxien u mal-Ħamru, kien fih tifel!”

It-ton illum-il ġurnata huwa rassenjat għax għaddew is-snin, imma xorta mimli uġiegħ. “Nitolb dejjem għalih u hu jitlob għalina mis-sema”.

Godwin jgħid li għamel ħabta jmur fuq programmi televiżivi biex iwassall messaġġ ta’ kawtela, iżda issa jħoss li ma jridx imur iktar. Staqsejna x’messaġġ hu li jixtieq iwassal. “Ngħidilhom lit-tfal ta’ llum, kemm iridu joqogħdu attenti! Apparti l-familja, kemm ibgħatu għax iħossu għal dejjem…imma għalihom ukoll, għax jekk jibqgħu ħajjin trid tara kif tiġihom”.

B’referenza għall-ġenituri li għadhom kif ġarrbu t-telfa ta’ wliedhom, Godwin qal “bħailssa dawk lanqas ikunu jafu x’qed jiġri! Qisha ħolma. Irid jgħaddi ż-żmien biex tiġi naqra f’tiegħek. Mhux kulħadd l-istess. Li tista’, tipprova tagħmlilhom kuraġġ, imma hu qatt mhu se jerġa’ jiġi. It-talb huwa b’saħħtu għax Alla biss jista’ jtik il-faraġ. It-talb biss.”

Gowdin minn ħin għal ħin isemmi xi ħaġa fuq ibnu. Kien l-iben tan-nofs, fadallu żewġt’ulied oħra. Donnu l-mewt firdithom imma l-imħabba ma jifridha ħadd. “Miet ta’ għoxrin sena, u ta’ sittax-il sena kien għadu abbati. Imma mewt u xita, Alla jaf meta!”

Temm jgħidilna “l-ewwel ma’ naħseb huwa fil-familja tiegħu, fil-ġenituri tiegħu”.

Għalkemm żmien mill-aktar indesrivibbli, hemm min jifimhom ukoll.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend