Ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tal-għaxra neqsin għaxra (2150hrs), żagħżugħ tilef ħajtu f’inċident li seħħ fi Vjal l-Indipendenza, il-Mosta.
Minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li kien seħħ impatt bejn mutur tat-tip Suzuki misjuq minn ġuvni ta’ 26 sena residenti l-Mosta stess u vettura tat-tip Isuzu li kienet qegħda tiġi misjuqa minn raġel ta’ 39 sena residenti Ħad-Dingli.
Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll tim mediku mill-Isptar Mater Dei ġew imsejħa fuq il-post sabiex jassistu lix-xufier tal-mutur. Il-vittma ttieħed l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa iżda sfortunatament aktar tard huwa ġie ċċertifikat mejjet.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr C. Farrugia Frendo LL.D fejn ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-Inkjesta li ġiet appuntata.
Ritratt: MRTU