Inqabad meta reġa’ mar iżur il-ħanut li seraq – One News

Notifiki

Inqabad meta reġa’ mar iżur il-ħanut li seraq

Wayne Caruana ta’ 34 sena residenti ż-Żejtun, inżamm taħt arrest wara li l-Ħadd filgħodu tressaq il-Qorti akkużat li f’lejlet l-ewwel tas-sena għamel hold up b’arma li taqta’ bil-ponta f’ħanut fiż-Żejtun stess.

Huwa qed ikun akkużat li seraq €350 mill-cash register tal-Convenience Shop fi Triq Isqof Emmanuel Galea u li żamm bil-forża erba’ persuni, li kellu arma li taqta’ bil-ponta u li hu reċidiv.

F’filmati esklussivi li se jintwera fil-bulettin tal-lejla fuq ONE juri, li kien għal ħabta tat-8:30 tas-Sibt filgħaxija li allegatament Caruana daħal fil-Convenience Shop mgħammad u armat b’ sikkina tal-kċina fejn hedded waħda miż-żewġ kaxxiera tal-ħanut biex tagħtih il-flus li kellha. Dak il-ħin fil-ħanut kien hemm żewġ persuni oħra, fosthom anżjana.

Il-filmati juru kif minkejja li l-kaxxiera rreżistitu, l-akkużat irnexxilu jaħrab minn fuq il-post ftit tal-ħin wara, wara li ġabar €350 mill-cash register.

Il-kaxxiera ċemplu lill-Pulizija, u sakemm kienu fuq il-post jagħmlu r-rapport, l-akkużat reġa’ daħal fil-ħanut biex isaqsi jekk kinux miftuħin. Kien hawnhekk li l-kaxxiera, li sfat mhedda, għarfitu u safa arrestat mill-Pulizija dak il-ħin.

Sorsi qrib One News qalulna li r-raġel daħal fl-istess ħanut xi ħin qabel il-hold up fejn qal lill-kaxxiera li ‘kien ġej għalihom’. L-istess sorsi kkonfermaw li l-akkużat ma seraqx il-flus kollha li kien hemm fil-kexxun tal-cash register.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta maġisterjali.

Fil-Qorti fl-ewwel jum tas-sena, Wayne Caruana wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih iżda nżamm taħt arrest wara li d-difiza ma talbitx il-ħelsien mill-arrest. Dan biex ikunu protetti x-xhieda.

Fl-awla tal-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, l-akkużat talab lill-prosekutur ma jafsux u wiegħed li se joqgħod bil-għaqal.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend