“Inwiegħed l-appoġġ tal-Gvern Malti fil-ġlieda tal-Gvern Tork kontra t-terroriżmu” – One News

Notifiki

“Inwiegħed l-appoġġ tal-Gvern Malti fil-ġlieda tal-Gvern Tork kontra t-terroriżmu”

Wara l-attakk terroristiku li ġara dal-lejl f’kumpless ta’ divertiment f’Istanbul, it-Turkija, li fih tilfu ħajjithom 39 ruħ u weġġgħu numru ħafna akbar ta’ persuni, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Dr George W. Vella dalgħodu għamel kuntatt bit-telephone mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Tork, Mevlüt Çavuşoğlu li permezz tagħha wassallu d-dispjaċir tal-Gvern u l-poplu Malti għal dan l-inċident ikrah u wegħdu l-appoġġ tal-Gvern Malti fil-ġlieda tal-Gvern Tork kontra t-terroriżmu.

Il-Ministru Vella talab lill-Ministru Çavuşoğlu biex iwassal il-kondoljanzi lill-familji tal-mejta u jagħti x-xewqat ta’ fejqan ta’ malajr lill-korruti.

Min-naħa tiegħu l-Ministru Tork irringrazzja lill-Ministru Vella għall-espressjoni ta’ appoġġ u simpatija u talbu biex permezz tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jifhem aħjar minn x’hiex inhi għaddejja t-Turkija.

Il-Ministru Vella kien diġà mistieden mill-Gvern Tork, sa minn ġimgħat ilu, biex fit-8 ta’ Jannar li ġej ikun Ankara, ħalli jindirizza laqgħa tal-Ambaxxaturi Torok li se jkunu miġburin fil-Kapitali Torka.

Minn informazzjoni li għandu l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin sal-ħin tal-ħruġ ta’ din l-istqarrija, fl-inċident ta’ dal-lejl ebda persuna ta’ nazzjonalità Maltija ma kienet involuta f’din id-diżgrazzja. Aktar informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend