Huwa stmat li 75,000 persuna attendew għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena lbieraħ organizzati mill-Fondazzjoni Valletta 2018 fil-kapitali ta’ pajjiżna.
Iċ-ċelebrazzjonijiet, li kienu kompletament b’xejn għal kulħadd, intlaqgħu tajjeb ħafna mill-pubbliku. L-artisti li pparteċipaw kienu jinkludu kemm talent lokali kif ukoll talent internazzjonali.
Bħal snin ta’ qabel, studenti tal-MCAST ħadu ħsieb li jagħmlu projezzjonijiet bid-dawl li taw atmosfera stupenda.
Dawn l-attivitajiet jagħtu togħma zgħira tal-ħidma kbira li qed issir mill-Fondazzjoni 2018 hekk kif fi żmien 12-il xahar ieħor il-Belt kapitali tagħna se tieħu t-titlu tal-Belt kapitali Ewropea tal-kultura.
Iċ-ċelebrazzjonijiet kienu frott sinerġija bejn diversi entitajiet kemm Governattivi fis-settur tal-Kultura u tat-Turiżmu u kif ukoll is-settur privat.
Il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali jieħu l-opportunità biex jirringrazzja lill-pubbliku u lill-forzi tal-ordni għall-koperazzjoni sħiħa li ntweriet biex iċ-ċelebrazzjonijiet kienu għal darb’oħra suċċess.