B’referenza għall-istorja ppublikata minn The Times illum, intitolata ‘Speaker answers Chief Justice’, l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni fi stqarrija qal li m’huwa minnu xejn li ma weġibx għad-domandi tal-ġurnal u li fi kliemu dan ġie ivvintat fl-imsemmi artiklu.
L-istqarrija tgħid li bil-kontra ta’ dak li ntqal, ir-risposti ntbagħtu lill-ġurnalist fl-istess jum li ntalbu, l-għada ta’ storja oħra ppublikata mingħajr ma ntalbet reazzjoni, qabel is-sitta ta’ filgħaxija li ċertament huwa fil-ħin għall-istampar ta’ The Times.
Fir-risposti tiegħu, is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li spjega kif it-tibdil fil-protokoll ma jirrelega bl-ebda mod lill-Ġudikatura. Is-Sur Cutajar wieġeb li l-Ispeaker tela’ żewġ postijiet fil-lista ta’ preċedenza biex tkun riflessa leġislazzjoni riċenti li daħlet fis-seħħ b’mod unanimu wara snin twal ta’ diskussjoni u rapporti dwar l-awtonomija tal-Parlament bħala l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
L-istqarrija tispjega li l-Prim Imħallef għadu fil-fatt fl-ewwel kategorija ta’ din il-lista ta’ preċedenza. L-Imħallfin żammew il-pożizzjoni tagħhom filwaqt li l-Maġistrati telgħu numru ta’ postijiet biex din il-pożizzjoni tkun tirrifletti r-responsabbilitajiet tagħhom.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li wieġeb ukoll kif il-leġislazzjoni rispettiva favur il-Parlament u l-President tal-Kamra kienet u għadha fid-dominju pubbliku wara li kienet ippublikata xhur ilu. L-ordni l-ġdida ta’ preċedenza kienet ukoll iċċirkolata kmieni f’Novembru li għadda bil-mezzi normali fis-servizz pubbliku li jwasslu għall-Ministeri u d-Dipartimenti kollha.
It-tweġibiet li ntbagħtu, u li l-gazzetta The Times qalet li ma ntbagħtux, ġew ippublikata mal-istqarrija.
[pdf-embedder url=”http://www.one.com.mt/wp-content/uploads/2016/12/pr162992a.pdf”]