Żewġ nisa li bħalhom ma ssibx – One News

Notifiki

Żewġ nisa li bħalhom ma ssibx

L-Ingliżi jgħidulek “there’s nothing like a Panto Dame,” u ejja nagħtuhom raġun. Rari jkollok l-okkażjoni tara raġel liebes kostum eċċentriku kkulurit u jleqq u xi parrokka li twassal sal-Awstralja tant kemm tkun tixgħel.

F’Malta il-pantomimi tal-Milied saru jattiraw l-eluf li ż-żmien ta’ briju u hena jarawh rifless fuq il-palk – medium li sa ftit snin ilu kien meqjus bħala wieħed serju wisq. Naturalment, pantomima minħajr il-famuża Dame, ma tkunx pantomima, u żgur ma tbigħx daqshekk biljetti.

Interessanti nagħtu ħarsa lejn l-istorja tad-Dame. Minn fejn bdiet l-assoċjazzjoni tagħha mal-Milied, minn fejn nibdet il-kunċett ta’ attur maskili jinterpreta rwol ta’ mara daqshekk kunfidenti u robusta fuq il-palk.

Li raġel jinterpreta parti femminili kienet ilha ssir fl-Ingilterra sa mis-seklu 16, fi żmien id-drammaturgu famuż William Shakespeare. Rwoli li bħal Juliet, Lady Macbeth, Desdemona, li nassoċjaw man-nisa melodrammatiċi, kollha kienu jkunu interpretati minn atturi rġiel, għaliex in-nisa kellhom impenji akbar dak iż-żmien: id-dar!

Sekli wara, waqt ir-renju tar-Reġina Vittorja fl-istorja tal-kultura Ingliża daħlet bil-mod it-tradizzjoni ta’ raġel liebes kostum ikkulurit u grottesk. Dak iż-żmien, sparpaljati madwar Londra wieħed kien isib diversi music halls li kienu jospitaw wirjiet mużikali, kummiedji u wirjiet b’effetti speċjali, u botti niggieża lejn il-klassijiet għoljin, kollha magħġuna flimkien. Kienet tradizzjoni wkoll li kull min jattendi, ipejjep it-tabakk, jiekol, jixrob, probabbli jaqla’ xi ġlieda, u ma jħallasx iktar minn lira biex iqatta’ sigħat twal hemm ġew. U ovvjament, il-pantomima nafu li tinkorpora dan kollu (mingħajr it-tipjip, ix-xorb, u l-ġlied).

Għalkemm inqas formali minn oħrajn, il-pantomima mhix xi forma ta’ arti inqas kredibbli jew inqas impenjattiva minn oħrajn. Pantomima hija msawra mir-realtà, mid-dedikazzjoni, u minn taħlita ta’ talenti (prattikament kull attur irid ikun dak li d-dinja tal-ispettaklu ssejjaħ triple threat: żfin, kant u reċtar). L-ebda tradizzjoni teatrali oħra ma titlob li taħdem ma’ atturi minn 5 snin sa 95 sena. Ebda wirja teatrali oħra mhi se tkun immirata daqshekk lejn l-esperjenza familjari.

Il-pantomima f’Malta issa tista’ tgħid li saret tradizzjoni ta’ żmien il-festi għalina ukoll xi ħaġa oħra li tħajjarna nikkuppjaw mit-tradizzjonijiet Ingliżi. F’dawn l-aħħar snin anke l-iskejjel qed itellgħu dan l-ispettaklu qabel il-vaganzi tal-Milied, bi stejjer li lkoll familjari magħhom, u d-doża niggieża lejn il-personalitajiet, u l-botti politiċi li jinżlulna għasel ma jonqsux!

Mistoqsija li f’dawn iż-żminijiet tiddomina hija: “Liem immorru naraw? Tal-Manoel jew ta’ Ta’ Qali?!” Aħna se nippruvaw innaqsulkom ftit minn dak l-inkwiet!

Iż-żewġ Dames minn dawn it-teatri grazzjożament ħarbu mill-aħħar ġimgħa tal-provi biex jitkellmu magħna (wara li probabbli qalgħu xi ħasla mingħand id-diretturi). Queen Shalayna (Malcolm Galea) ħarbet mit-Teatru Manoel u mill-grif ta’ Puss in Boots, u Vera Tastee (Alan Montanaro) serqet il-karozza ttir ta’ Un-Believe It minn Ta’ Qali biex forsi tasal fil-ħin.

Iktar ħassejtni qisni ħriġt ma’ xi żewġt iħbieb milli mort biex nagħmel xogħli ma’ dawn it-tnejn. It-tkaken kienu kbar, il-battibekki bejniethom kienu spettaklu minnhom infushom, u kif fl-aħħar irnexxielhom ipoġġu bilqegħda minkejja l-kostumi robusti, stajna nibdew.

Taħsbu li palk wieħed jiflaħ żewġ Dames? Kieku kellhom taqsmu l-palk, xi jkollna, spettaklu doppju jew xi ġlieda?

Queen Shalayna: Ifhimni, ġieli jkun hemm xi pantomimi li jkollhom żewġ Dames – u għalkemm ikun hemm spettaklu doppju, jiġġieldu bejniethom ukoll.

Vera Tastee: Skont ta. Jekk se nirreċtaw l-istorja tas-Sbejħa u l-Mostru jien nista’ nkun is-sbejħa u l-oħra tkun il-bestja. Ara kemm niffrankaw fuq l-irtokki kieku!

Għandek iċ-ċans tmur btala ma’ politiku Malti. Fejn tmur, ma’ min u x’tagħmlu?

Queen Shalayna: Kieku mmur Dubai ma’ Chris Cardona u niżvojtaw il-minibar.

Vera Tastee: Chris Cardona. Immorru Dubai għal xarba tajba jew tnejn. Jew anke għaxra.

Ejja nassumu li għamiltu xi ħaġa ħażina, min tibżgħu li jaqbadkom: il-pulizija, xi blogger, jew ommkom?

Queen Shalayna: Il-blogger hux! Għax permezz tal-blogger isiru jafu l-pulizija, ommi, u l-proxxmu kollu.

Vera Tastee: Ommi. Imma jien tifla sew, mhux se nasal nagħmel xi ħaġa daqshekk ħażina li jkun hemm bżonn l-intervent tal-pulizija. Avolja raġel bl-uniformi jogħġobni. Però dak in-naqra ta’ skandlu jidher fuq blog jew tnejn u jagħmel tajjeb għall-popolarità tiegħi.

Karozza ttir, jew karozzella għad-Dames tagħna?

Queen Shalayna: Jien intir bl-Air Malta biss ħanini – għax jogħġbni l-bezzun.

Vera Tastee: Bla dubju karozza ttir! Dak hu l-unika mezz kif nasal mill-Kottonera għal High Ridge f’inqas minn nofs siegħa. Imma l-karozza trid tkun bla saqaf, minħabba xagħri.

Liem kulur tal-lipstick jogħġobkom: Blu, aħmar, jew oranġjo?

Queen Shalayna: Xorta – basta jkollu nofs tunellata glitter.

Vera Tastee: Aħmar ileqq. Għandi par xufftejn kbar mhux ħażin, forma ta’ qalb.

Għażlu: Cayman Islands, Panama, jew l-Iżvizzera?

Queen Shalayna: L-ebda minnhom. Kieku nagħżel il-British Virgin Islands għax għandhom iżjed ODZ.

Vera Tastee: Panama? Fejn taħbat? Qatt ma smajt biha u m’għandix kontijiet sigrieti hemmhekk. Promise.

36F jew 34C?

Queen Shalayna: Sfortunatament, waħda hekk u l-oħra hekk. X’nista’ ngħid – viva l-padding!

Vera Tastee: 34C! U dbielet qosra. Iktar ma nuri sieqi iktar aħjar!

X’tippreferu, frosta jew manetti?

Queen Shalyna: Skont il-burdata.

Vera Tastee: Frosta tal-ġemel.

Għandhom girls night out: ċatt jew takkuna?

Queen Shalayna: Il-mantra tiegħi: Biċ-ċatt ma tgħabbi qatt imma t-takkuna ttik l-għajnuna.

Vera Tastee: Takkuna 7 inches. U mini.

Tights, jew stockings?

Queen Shalayna: Stockings, għax meta nilbishom, inħossni qisni kont xi rigal imdendel għal xi ħadd.

Vera Tastee: Stockings biss u dejjem … it-tights iħalluni bil-bażwa.

Iddeskrivuli kostum li taħsbu l-iktar jixraq il-karattru tagħkom.

Queen Shalayna: Xi ħaġa bejn katalog tal-Victoria’s Secret u karru tal-Karnival.

Vera Tastee: Blow dry, up style, off the shoulder corset, dublett minn dawn bid-disinn tal-annimali… eh, u thigh high boots. Kollox ileqq bl-antaċċoli.

Xi ħaġa li taħsbu li kull mara għandha jkollha fil-gwardarobba.

Queen Shalayna: Post sigriet fejn ikun jista’ jistaħba l-maħbub. Jien għandi tlieta fi gwardarobba waħda.

Vera Tastee: Raġel bil-manetti.

Fl-aħħar: għalfejn għandi niġi nara Un-Believe It/ Puss in Boots?

Queen Shalayna: Għax dis-sena kont verament brava/u u ħaqqek lejla pjaċevoli – miegħi!

Vera Tastee: Għandna karozza ttir! U għandna xi ħaġa għal kullħadd. Maġija, mużika, żfin, ċajt….anke PARKING!

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend