Sors naturali sottovalutat | One News

Notifiki

Sors naturali sottovalutat

 

Ftit tal-jiem ilu, pajjiżna għadda minn maltemp meteorloġiku, b’jiem sħaħ ta’ sħab ġriż, xita, temperaturi baxxi u rwiefen b’saħħithom. Kien ilu ma jkollna ġranet konsekuttivi b’dan it-tip ta’ temp. Paċenzja, dan huwa ż-żmien tax-xita u kesħa, u allura rridu naċċettaw l-elementi naturali w nħalluhom jagħmlu xogħolom – jekk xejn biex ir-raba’ tagħna tieħu r-ruħ wara n-nixfa li għaddejna minnha! Barra minn hekk, ix-xahar ta’ Diċembru mingħajr ftit kesħa u xita jkun qed inaqqas mill-atmosfera tipika ta’ dan iż-żmien ta’ festi.

Nistqarr li temp bix-xita ma jdejjaqnix, speċjalment jekk ma tkunx nieżla bil-qliel, u temperaturi baxxi tilqalhom b’ġakketta komda. In-natura tistejqer mis-sħana u n-nixfa. L-għelieqi jieħdu ħajja differenti u l-kuluri naturali tal-għelieqi joħorġu jispikkaw ferm iktar u isbaħ. Madanakollu ħaġa li ddejjaqni, u tinkwetani huwa l-kwantita’ t’ilma li jinħela waqt u wara maltempata. Ilma tax-xita li jispiċċa jinżel fil-baħar, ikaxkar dak kollu li jsib mat-triq. Inkun nieżel lejn id-dar f’Birżebbuġa, u nħoss għafsa ta’ qalb nara l-ilma nieżel fit-triq, mingħajr ma jiskula lejn il-wied, jew ġewwa ġibjun, iżda minflok jibqa’ nieżel dirett lejn il-baħar. L-istess japplika għal diversi żoni oħra ta’ pajjiżna fejn il-livell tagħhom jinżel mal-baħar, hemm xi widien fil-viċin jew saħansitra jinsabu f’nofs wied!

F’termini finanzjarji, l-ilma huwa għali immens biex niġġenerawh. Prattikament pajjiżna għandu żewġ sorsi t’ilma – l-water table u l-baħar. Il-water table jinsab f’qagħda kritika minħabba diversi raġunijiet (fosthom abbużi fit-tħaffir ta’ boreholes) filwaqt li s-sors l-ieħor huwa dak tal-ilma baħar. Nafu li l-ilma tal-baħar mhuwiex tajjeb għax-xorb, allura jkollu jgħaddi mill-proċess tar-reverse osmosis, li jikkonsma ħafna dawl u ħela oħra. Metaforikament, ma nistgħux nibqgħu neħilbu mill-baqra sakemm din tinxef, u tmut. It-teknoloġija rridu nużawha għax limitati fir-riżorsi naturali, iżda din tinvolvi spiża finanzjarja kbira li fl-aħħar mill-aħħar qed jitħallas mit-taxxi u l-kontijiet.

Sfortunatament l-importanza tal-konservazzjoni tal-ilma f’dan il-pajjiż għadu mhux rikonoxxut biżżejjed. Saru, u qed isiru diversi inizjattivi u proġetti madankollu għad fadal ħafna xi jsir biex din l-użanza tal-konservazzjoni tal-ilma ssir parti minn ħajjitna u nħaddmuha sew.

 

Ta’ QabelLi Jmiss
Chris Balzia għandu 30 sena u jgħix Birżebbuġa. Studja l-inginerija tal-avjazzjoni fil-kulleġġ tal-MCAST. Waqt li kien qed jaħdem f’dan is-settur, reġa’ ssokta bl-istudju tiegħu fejn ggradwa mill-Università ta’ Londra b’Diploma fl-Ekonomija. Bħalissa jinsab għaddej bl-istudji tiegħu għal Degree fil-Management. L-attiviżmu politiku minn dejjem kien jinteressaħ u jassoċja ruħu mal-ideali poltiċi xelluġin. Matul il-hajja studenteska tiegħu kien attiv mal-għaqda Pulse fejn anki serva għal diversi snin fl-eżekuttiv tal- għaqda. L-impenn politiku kompla bl-involviment fil-fergħa tal-Forum Żgħażagħ Laburisti ta’ Birżebbuġa u fl-eżekuttiv tal-FZL mill-2011 sa Frar tal-2016. Apparti l-interess fil-politika, impenn ieħor għal qalbu huwa l-iScouting. Chris ilu membru tal-iScouts mill-eta’ ta' sebgħa snin u baqa’ attiv fl-istess assoċjazzjoni fejn bħalissa jokkupa l-kariga ta’ Scout Leader mall-grupp ta' Birżebbuġa.

Send this to a friend