L-MIA jiċċelebra ĦAMES MILJUN PASSIĠĠIER din is-sena | One News

Notifiki

L-MIA jiċċelebra ĦAMES MILJUN PASSIĠĠIER din is-sena

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta iċċelebra l-ħames miljun passiġġier tiegħu għal din is-sena u b’hekk laħaq stadju importanti ħafna fl-istorja tal-avjazzjoni tiegħu.

Dan ifisser li l-ajruport żied it-traffiku annwali tiegħu b’miljun passiġġier fi tliet snin, kisba li għandha sinifikat akbar meta wieħed jikkunsidra li l-ajruport għamel il-qabża bejn 3 miljun passiġġier u 4 miljun bejn l-2008 u l-2013.

“Ftit tas-snin ilu ħafna ma kinux jimmaġinaw li stajna nilħqu n-numri li qed niċċelebraw illum. Il-ħames miljun passiġġier qed inqisuh bħala xhieda tal-ħidma kontinwa tal-partijiet interessati fl-industrija tal-avjazzjoni,” qal is-CEO talAjruport Internazzjonali ta’ Malta, Alan Borg.

“Issa li wasalna sa hawn, għandna aktar responsabbiltajiet li inevitabbilment jirriżultaw minn dawn in-numri. Waħda mill-prijoritajiet tagħna, bla dubju, hija l-bżonn li ninvestu b’mod kontinwu f’infrastruttura li tixraq lill-uniku terminal tal-ajru ta’ Malta,” żied jgħid is-Sur Borg.

Filwaqt li inkoraġġixxa lil kulħadd jibqa’ jimmira li jagħti servizz eċċellenti fis-sena li ġejja, is-Sur Borg kompla billi rringrazzja lit-tim tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u lill-partijiet interessati kollha li kellhom rwol kruċjali f’din il-kisba, inklużi l-uffiċjali tad-dwana u tal-pulizija, il-Forzi Armati ta’ Malta, il-linji tal-ajru kollha u l-ground handlers tagħhom – l-Air Malta u l-Aviaserve – uffiċjali tas-sigurtà tal-G4S, l-istaff ta’ Servizi Malta u r-rappreżentanti tal-ħwienet tal-ajruport.

L-għoti ta’ servizz eċċellenti, is-sostenibbiltà u aktar investiment ser ikunu tliet prijoritajiet li fuqhom ser tiffoka l-kumpanija. Fil-fatt, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta bħalissa daħal f’fażi ta’ investiment ambizzjuż, b’miljuni ta’ ewro jiġu injettati kemm fit-terminal u kemm fil-mitjar, sabiex tkompli tittejjeb l-ewwel u l-aħħar impressjoni ta’ Malta. Tul iż-żmien, dawn il-prijoritajiet mistennijin jgħinu lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jkompli jipprovdi esperjenza eċċellenti lill-passiġġieri, mingħajr ma jikkomprometti l-abbiltà tiegħu li jopera b’mod ambjentalment, ekonomikament u soċjalment responsabbli.

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ġabar lill-partijiet interessati kollha flimkien f’ċelebrazzjoni, fejn sar spettaklu qasir ta’ logħob tan-nar barra t-terminal u installazzjoni tad-dawl li saret apposta għallokkażjoni dawlet il-faċċata. Il-passiġġieri li waslu Malta fil-ġurnata ntlaqgħu bix-xampanja u l-mużika fiż-Żona ta’ Ġbir tal-Bagalji.

Il-Ministru għat-Turiżmu, Edward Zammit Lewis, innota li l-konnettività bl-ajru tibqa’ fattur importanti fl-istrateġija tal-Gvern għal aktar tkabbir fis-settur tat-turiżmu. Barra minn hekk, il-Ministru qal li l-prestazzjoni rekord ta’ kull sena hija r-riżultat ta’ relazzjoni kollaborattiva u effettiva bejn il-partijiet interessati kollha li jaħdmu f’dan is-settur tal-ekonomija tassew importanti.

Is-CEO tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Paul Bugeja qal; “Malta u Għawdex dejjem qed jilħqu suċċessi ġodda fl-istorja tat-turiżmu tagħhom. Jeħtieġ li nkomplu naħdmu flimkien u nikkonsolidaw is-sinerġiji tagħna sabiex inkomplu nfasslu futur aħjar u aktar sostenibbli għal kulħadd, fis-snin li ġejjin.”

Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet, Denise Incoronato ngħatat tifkira żgħira tal-okkażjoni. Is-Sinjura Incoronato, li tgħix Montanta fl-Istati Uniti, waslet Malta fuq titjira minn Ruma flimkien mal-familja tagħha. Il-familja qed iddur l-Ewropa u ddeċiediet li żżur Malta wara li żewġ għaddasa rrakkommandawlhom jieqfu waqfa fil-gżejjer Maltin u jiskopru d-dinja ta’ taħt il-baħar tagħhom.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend