Il-populisti jinsabu wara l-bieb – Alfred Sant | One News

Notifiki

Il-populisti jinsabu wara l-bieb – Alfred Sant

L-Unjoni Ewropea trid issib soluzzjonijiet ekonomiċi li jolqtu l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini. Il-qafas ekonomiku tar-regoli u politika tal-Unjoni Ewropea huwa wisq kumpless u astratt biex jinftiehem miċ-ċittadini Ewropej, waqt li r-riżultati politiċi mhumiex qed ikunu tajbin madwar l-UE. 

Dan qalu Alfred Sant waqt sessjoni ta’ skambju ta’ ideat fuq l-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-budgets tal-membri stati taż-żona Ewro mal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Valdis Dombrovskis u l-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi Pierre Moscovici waqt laqgħa tal-Kumitat Ekonomiku u Monetarju tal-Parlament Ewropew (ECON).

Sant staqsa lil Dombrovskis u Moscovici humiex iħossu li l-għodod li qed jintużaw biex jirrankaw lill-ekonomiji Ewropej humiex wisq qodma u ineffettivi, ħaġa li tista’ tressaq lill-Ewropa lejn krizi kbira.  Dombrovskis u Moscovici qalu li l-Kummissjoni se tkun qed tniedi dibattitu dwar kif l-aħjar iġġedded l-istituzzjonijiet ekonomiċi tal-Ewropa fis-sena li ġejja.

Il-membru parlamentari Ewropew qal li l-populisti jinsabu wara l-bieb. “It-test ta’ dak li nippruvaw nagħmlu jidher meta ċ-ċittadini jivvutaw fl-elezzjonijiet jew referenda. Fl-aħħar tnax-il xahar ir-riżultati ma kinux tajbin. Kien hemm staġnar fit-tul fi Spanja, irriżenjaw żewġ Prim Ministri u President kellu jitlaq mill-politika. Bħala politiċi intom sodisfatti b’dawn ir-riżultati? Ma taħsbux li hemm bżonn urġenti li naħsbu mill-ġdid il-prijoritajiet tagħna? Ma tħossux li qed tressqu t-Titanic lejn l-iceberg, waqt li qed tużaw strumenti sofistikati li għadda żmienhom?”staqsa Alfred Sant.

Il-Viċi President Dombrovskis qal lil Dr Sant: “Għandek raġun, irridu nirreaġixxu għat-tħassib taċ-ċittadini. Irridu nagħmlu t-tkabbir tagħna aktar inklussiv. Għal dan il-għan se nagħtu dimensjoni soċjali lill-ħidma tagħna u dis-sena se nagħtu enfasi fuq l-inugwaljanza fid-dħul. Irridu noħorġu bi proposti li jissodisfaw liċ-ċittadini.”

Il-Kummissarju Moscovici qal lil Dr Sant li l-Ewropa teħtieġ għaqda monetarja u ekonomika aktar fonda. “Se nkunu qed nirriflettu fuq dan is-sena d-dieħla fil-kuntest tas-60 anniversarju tat-Trattat ta’ Ruma. Il-problema mhix daqstant li ż-żona ewro qed toħloq riċessjoni. Imma hemm strumenti fiż-żona ewro li mhux iħallu riżultati ekonomiċi b’saħħithom.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend