Tfal tal-iskola se jkollhom serje ta' films jispjegaw ċertu kliem bil-Malti | One News

Notifiki

Tfal tal-iskola se jkollhom serje ta’ films jispjegaw ċertu kliem bil-Malti

Tfal tal-iskola li jattendu skejjel tal-gvern, tal-knisja u skejjel indipendenti, dalwaqt se jkollhom aċċess għal serje ta’ filmati li jispjegaw it-tifsira ta’ kliem speċifiċi bil-Malti, u oħrajn li jiffokaw fuq l-oriġini u t-tifsira ta’proverbji Maltin.

Dawn il-filmati edukattivi, prodotti minn FIMBank plc bħala parti mill-programm tiegħu għal Responsabilità Soċjali Korporattiva, se jitqassmu fl-iskejjel kollha primarji u sekondarji f’Malta.

Din l-inizjattiva tħabbret waqt żjara li għamel il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Impjiegi Evarist Bartolo fl-uffiċċju ewlieni tal-bank f’San Ġiljan.

Fl-2015, l-istess bank issieħeb f’inizjattiva li rat ix-xandira ta’serje ta’ filmati qosra li jiffokaw fuq il-wirt lingwistiku Malti. Is-serje ta’ 100 filmat, intitolata ‘Kelma Kuljum’, tinkludi kemm kliem bil-Malti użati ta’ kuljum, kif ukoll oħrajn li saru jintużaw inqas minn qabel. Sadanittant, aktar kmieni din is-sena, bħala kontinwazzjoni ta’ dan il-proġett u bħala parti mill-programm ta’ Responsabilità Soċjali Korporattiva, FIMBank nieda serje ġdida ta’ filmati li jiffukaw fuq proverbji Maltin u t-tifsiriet tagħhom, intitolata ‘X’jgħid il-Malti?’. Is-serje l- ġdida qiegħda tixxandar b’mod estensiv fuq il-PBS u l-midja soċjali tal-Bank.

Il-Ministru Bartolo qal li dan l- appoġġ jgħin sabiex jintlaħqu aktar tfal fit-tagħlim tal-ilsien tagħhom b’mod interessanti.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend