Il-maltemp iwaqqaf l-attivitajiet tal-Milied – One News

Notifiki

Il-maltemp iwaqqaf l-attivitajiet tal-Milied

Ninsabu eżatt ġimgħa qabel il-Milied u l-atmosfera taċ-ċelebrazzjonijiet tibda tirranka. Iżda illum iċ-ċelebrazzjonijiet kellhom ikunu sospiżi ħesrem, minħabba t-temp ikrah li laqat lill-gzejjer Maltin u Għawdxin.

Kienu bosta l-villaġġi tal-Milied madwar Malta li żżarmaw, u attivitajiet, anka filantropiċi li tħassru. One News żar uħud minn dawn il-lokaltajiet, fejn sfortunatament minflok l-innijiet tal-Milied smajna ħoss ieħor, dak tar-riħ qawwi jvenven.

Fosthom il-Fgura, fejn fit-triq prinċipali kellha tittella l-attivitaà  “Taħt is-Siġra tal-Milied”, iżda tħassret minħabba raġunijiet ta’ sigurta, kif stqarr magħna s-sindku tal-lokalita Byron Camilleri.

Il-lokalità ta’ Bormla wkoll kienet siekta iktar mis-soltu f’ dawn iż-żminijiet, fejn id-dawra ta’ Baċir Numru wieħed ma kinitx imżejna bil-villaġġ tal-Milied għal ‘Christmas by the Dock’ kif mistenni. Din l-attività kellha titħassar ukoll.

Is-Sindku ta’ Bormla Alison Zerafa li tkellmet ma One News esprimiet id-dispjaċir tagħha li għat-tieni sena konsekuttiva din l-attività kellha tiġi posposta u li bħal ma sar is-sena li għaddiet, din l-attivita’ se ssir f’ġurnata oħra.  

Fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta tħassru l-pjanijiet ukoll, hekk kif il-Villaġġ tal-Milied li kellu jsir fil-Qawra tħassar ukoll.

Madankollu l-Maltemp ma rnexxielux ineħħi l-ispirtu tal-Milied kompletament mill-irħula Maltin hekk kif ġewwa r-Rabat il-Banda Konti Ruġġieru għażlet li tkompli bil-pjanijiet tagħha u ddoqq il-marċi ġewwa l-każin minflok fit-toroq kif kien pjanat, filwaqt lokalitajiet oħra sfidaw it-temp u baqgħu għaddejjin biċ-ċelebrazzjonijiet.

Il-Ħadd kienet pjanata wkoll l-għawma annwali organizzata minn ‘Thomas Smith Group’ b’risq il-Community Chest Fund.  Iżda kif jgħid il-Malti, l-baħar żaqqu ratba u rasu iebsa, u fuq il-parir tal-protezzjoni ċivili, l-għawma kellha titħassar minħabba l-baħar qawwi li kien se jkun ta’detriment għas-sigurta’ tal-parteċipanti.

Jekk ma serva għal xejn, dan il-maltemp serva biex jgħaqqad lil familji Maltin u Għawdxin, li f’ dawn iż-żminijiet jingħaqdu flimkien, jiċċelebraw dak kollu li jkun għadda fis-sena.

Ritratt: @Xkembri – Instagram

 

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend