Arranġamenti soċjali fl-'O Levels' | One News

Notifiki

Arranġamenti soċjali fl-‘O Levels’

572 student li fl-2016 poġġew għall-eżamijiet tas-SEC, magħrufa iktar bħala O’Levels, talbu għal dak imsejjaħ bħala Special Access Arrangements waqt l-eżamijiet. Dan huwa servizz għal studenti bi bżonnijiet speċjali, bħal dawk li għandhom kundizzjonijiet bħall-ADHD u d-Dyspraxia, biex l-esperjenza tagħhom waqt dawn l-eżamijiet tant kruċjali tkun kemm jista’ jkun trankwilla.

Il-fatt li minn 5830 student li poġġew għall-eżamijiet iktar minn 500 ngħataw dan is-servizz, juri sistema edukattiva f’pajjiżna li saret iktar inklussiva. Għalkemm ġenituri jitkellmu dwar kif dan mhux dejjem faċli.

Rapport li ħareġ mill-Università ta’ Malta din il-ġimgħa juri li mill-2004 sa issa l-ammont ta’ studenti li qed jitolbu l-għajnuna żdied b’450. Iżda, iż-żieda hija iktar sinifikanti meta wieħed jikkunsidra b’kemm naqsu l-istudenti li jagħmlu l-eżami.

Fl-2004 kienu biss 122 minn 7861 student li talbu għall-għajnuna fis-sessjonijiet tal-eżamijiet. Sal-2014 kien hemm żieda ta’ madwar 10 student fis-sena biex fl-2014 kien hemm rekord ta’ 621 talba għall-għajnuna waqt dawn l-eżamijiet.

Intant, l-iktar lokalità li minnha studenti applikaw għall-O’Levels kienet il-Mosta b’total ta’ 313-il student ipoġġu għall-eżamijiet. Il-Mosta hija segwita minn Ħal Qormi b’217-il student, Ħaż-Żabbar b’214, u Marsaskala b’200.

L-inqas kienu l-Imdina u l-Manikata li minnhom żewġ studenti kull wieħed biss taw dawn l-eżamijiet, filwaqt li mill-Blata l-Bajda u minn St.Andrews ma applika l-ebda student. B’kollox 5830 kandidati applikaw għall-eżamijiet tas-SEC fl-2016, bil-maġġoranza tagħhom ikunu bniet. Fis-suġġetti ewlenin, l-Ingliż, il-Malti, u l-Matematika, iktar minn nofs l-istudenti akkwistaw grad 5 jew aħjar, riżultat li jiggarantixxi d-dħul tagħhom fis-sixth forms.

Fil-fatt mhux inqas minn 49.4% kisbu biżżejjed punti biex ikomplu l-istudju tagħhom f’dawn l-istituzzjonijiet bħalma huma l-Junior College u San Alwiġi, ċifra deskritta mill-Università bħala l-aqwa riżultat sa mill-2004.

L-Università tinnota b’sodisfazzjon li biċċa kbira minn din iċ-ċifra, 63.9%, għażlu li jpoġġu għall-karta IIA, karta tal-eżami li fi snin preċedenti kienet toħloq ansjetà fost l-istudenti minħabba li kienet l-itqal karta tal-eżami.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend