L-ewwel Direttur ta’ Teatru Malta jikkumenta dwar il-pjan tiegħu – One News

Notifiki

L-ewwel Direttur ta’ Teatru Malta jikkumenta dwar il-pjan tiegħu

Sean Buhagiar se jkun l-ewwel direttur artistiku ta’ Teatru Malta, il-proġett il-ġdid tat-teatru f’Malta.

Is-sisien ta’ Teatru Malta kienu ġew imħabbra fil-Baġit tal-Gvern 2016 u fil-fażi inizjali tiegħu il-proġett se jkun qed jitmexxa mill-Kunsill Malti għall-Arti. Sean Buhagiar (1986) huwa direttur artistiku, produttur kreattiv u bniedem tat-teatru fuq bażi professjonali. Huwa magħruf bħala d-direttur artistiku ta’ Notte Bianca kif ukoll għax-xogħol tiegħu fit-teatru u l-films.

Wieħed mix-xogħlijiet l-aktar riċenti tiegħu kien B’Tal-Linja Jaqbillek Żgur, produzzjoni ta’ street theatre fuq skala kbira li daret spazji komunitarji fil-ħames reġjuni tal-gżejjer Maltin fuq xarabank Malti bħala parti mill-Malta International Arts Festival. Bejn l-2015 u l-2016, huwa okkupa l-kariga ta’ viċi direttur artistiku fi ħdan il-Fondazzjoni Valletta 2018 fejn kien responsabbli biex jassisti fl-iżvilupp ta’ ħames proġetti ewlenin.

Fis-sena 2015 kien maħtur bħala wieħed mill-esperti responsabbli biex jiġbor id-data bħala parti mit-Theatres Audit għall-proġett ta’ cultural mapping li ġie ikkumissjonat mill-Kunsill Malti għall-Arti u l-Fondazzjoni Valletta 2018, proġett li għadu jaħdem fuqu.

L-aħbar tal-ħatra ingħatat miċ-chair eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall waqt konferenza stampa fit-Teatru Salesjan f’Tas-Sliema, wara li saret sejħa internazzjonali pubblika. Permez tal-ħidma ma’ professjonisti kreattivi minn Malta u barra minn Malta, kumpaniji teatrali eżistenti u kumpaniji ġodda u l-komunitajiet diversi f’Malta u Għawdex, Teatru Malta se joħloq xogħol eċċitanti, rilevanti u attraenti għall-udjenzi varji f’Malta u Għawdex. Il-proġett mhux se jkun marbut ma’ bini jew teatru speċifiku imma se jopera fi spazji u postijiet differenti.

Teatru Malta se jkun ibbażat ħafna fuq ix-xogħol fil-komunità u jaspira li jnaqqas id-differenza kulturali bejn it-teatru konvenzjonali Malti u l-attività teatrali vibranti li sseħħ fil-periferija. Il-proġett huwa wkoll wieħed mill-azzjonijiet tal-Istrateġija 2020 tal-Kunsill Malti għall-Arti u riżultat tal-Manifest Elettorali tal-Gvern għall-Kultura.

L-ewwel programm artistiku għal Teatru Malta se jitnieda fl-2018 bħala parti mill-Belt Valletta Kapitali Ewropea tal-Kultura. “Huwa interessanti ħafna li jkollok kumpanija nazzjonali teatrali mingħajr ħitan,” qal id-direttur artistiku l-ġdid.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend