Oġġetti mitlufa fl-ajruport ifissru €9,000 għall-Inspire | One News

Notifiki

Oġġetti mitlufa fl-ajruport ifissru €9,000 għall-Inspire

Il-punti tas-sigurtà, il-washrooms, u l-boarding gates huma tliet postijiet madwar it-terminal tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fejn il-passiġġieri l-aktar li jinsew warajhom oġġetti personali.

Filwaqt li l-ajruport jirritorna medja ta’ 750 oġġett li jinstabu fit-terminal lis-sidien tagħhom kull sena, bosta oġġetti oħra jibqgħu ma jiġux klejmjati u eventwalment isibu sidien ġodda waqt l-irkant tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta Lost, Found and Auctioned.

Issa li daħal fis-sitt sena tiegħu, Lost, Found and Auctioned sar avveniment annwali ta’ ġbir ta’ fondi li jkun mistenni b’ħerqa mill-pubbliku. L-irkant, li jsir fil-jiem tal-festi, huwa opportunità unika sabiex wieħed jixtri xi rigali tal-Milied mingħajr ma joqgħod idur minn ħanut għal ieħor.

L-edizzjoni ta’ din is-sena, li saret l-Erbgħa 7 ta’ Diċembru, attirat madwar 200 ruħ. L-irkantaturi għasserata, il-preżentaturi tar-radju JD Patrick, Martina Zammit u Nate & Rossi, ippreżentaw lix-xerrejja prospettivi mal-100 oġġett.

Filwaqt li fost l-oġġetti l-aktar komuni kien hemm għadd ta’ mowbajls u nuċċalijiet tax-xemx tad-ditta, oġġetti kemxejn aktar sorprendenti kienu kitarra żgħira, hairdryer, tromba taż-żewġ antika u żewġ skrins tat-televixin.

L-oġġett li ġab l-aktar flus fl-irkant ta’ din is-sena kien Macbook Air, li beda mill-prezz ta’ € 100 u eventwalment inbiegħ għall-ammont notevoli ta’ €610. Dan l-ammont kien segwit minn €560 għal bagalja sorpriża u €500 għat-tieni Macbook Air. Sal-aħħar tas-serata nġabret is-somma globali ta’ €9,200 li sejra għall-Fondazzjoni Inspire.

Is-CEO tal-istess Fondazzjoni, Antonello Gauci qal; “Permezz ta’ dan l-irkant ta’ oġġetti li jintilfu u jinstabu fit-terminal b’risq il-Fondazzjoni Inspire, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed jagħtina lpossibbiltà li nilħqu lil aktar tfal, adulti u familji li jkollhom bżonn l-għajnuna tagħna biex jgħixu biddiżabilità.

L-Inspire temmen li kulħadd għandu d-dritt għall-ugwaljanza u l-inklużjoni. Dawn l-isforzi tagħna ma jkunux possibbli mingħajr l-għajnuna ġeneruża u volontarja tal-pubbliku u organizzazzjonijiet bħall-MIA, li jieħdu inizjattiva sabiex jagħmlu differenza tanġibbli fil-ħajja tannies.”

Il-flus li nġabru f’edizzjonijiet preċedenti ta’ dan l-irkant marru għal għadd ta’ organizzazzjonijiet differenti fosthom id-Dar tal-Providenza (2015), Hospice Malta (2014), u The Ladybird Foundation (2013).

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend