It-tabib Jan Chricop jispjega realtà li qed iħabbtu wiċċhom magħha t-tobba bħalissa | One News

Notifiki

It-tabib Jan Chricop jispjega realtà li qed iħabbtu wiċċhom magħha t-tobba bħalissa

F’pajjiż fejn is-servizzi tas-saħħa jingħataw b’xejn tista’ tidher kemxejn illoġika li għad għandna sitwazzjoni fejn żagħzagħ minorenni jrid ikollhom il-kunsens tal-ġenituri biex jagħmlu  appuntament mat-tabib tal-għażla tagħhom.   Sfortunatament din hija s-sitwazzjoni f’pajjiżna. Mozzjoni mressqa mill-Whip tal-Gvern Godfrey Farrugia akkumpanjat mill-membri parlamentari Dr. Deo Debattista  u Anthony Agius Decelis hija attentat biex ttejjeb s-servizz tas-saħħa minn dan l-aspett.

Din il-mozzjoni tipproponi li żgħażagħ ta’ sittax u sbatax il-sena ma jibqax ikollhom bżonn kunsens tal-ġenituri tagħhom biex ifittxu parir mediku mingħand professjonist fil-qasam tas-saħħa.   Dan ikompli jnaqqas mill-istigma soċjali li hawn fuq għadd ta’ testijiet mediċi speċjalment dawk li għandhom x’jaqsmu mas-saħħa sesswali.   B’hekk wieħed ma jistax ma jħarisx lejn din il-mozzjoni b’rabta mal-mozzjoni l-oħra mressqa mill-istess ministru ftit taż-żmien ilu li tipproponi li l-eta’ tal-kunsens sesswali tonqos għal dik ta’ sittax il-sena.

Il-mozzjoni  dwar il-kunsens mediku  tista’ tnaqqas il-mistħija u forsi anke biża li ċertu żgħażagħ jista’ jkollhom milli jinformaw lil ġenituri tagħhom dwar xi testijiet mediċi li jkunu jixtiequ jagħmlu.    Huwa inkwetanti l-fatt li ammont kbir ta’ żgħazagħ jippreferu li ma jaqsmux il-biżgħat mediċi li jkollhom ma xi espert fil-qasam minħabba l-biża’ u l-mistħija li jridu l-kunsens mid-dar.  Żagħzagħ minorenni għandhom ikollom id-dritt li jagħmlu dan anke minħabba l-fatt li l-bżonn ta’ dan il-kunsens jista’ jgħati informazzjoni privata li jkunu jixtiequ jaqsmuha biss mat-tabib tal-għażla tagħhom.

Il-kelliem għall-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ Michael Piccinino saħaq li din il-mozzjoni intlaqgħet tajjeb ħafna mill-kunsill  li jappoġja liż-Żgħażagħ minorenni f’għadd ta’ dibattiti lokali.  Zġħażagħ ta sittax il-sena għandhom ikollhom aċċess għas-servizzi tas-saħħa offruti minn pajjiżna bħall-kumplament tal-poplu Malti.  Din il-mozzjoni intlaqgħet tajjeb ukoll mill-kummissarju tat-tfal Pauline Michelis li saħħqet li l-eta’ medja tal-kunsens f’pajjiżi Ewropej hija wkoll ta’ sittax-il sena.  Wieħed ma jistax jinnega l-fatt li din il-mozzjoni hija s-soluzzjoni biex tħeġġeġ liż-żgħażaħ Maltin jieħdu ħsieb saħħithom fil-waqt li tnaqqas il-biża li jekk titlob l-għajnuna tista’ tisfa ġġudikat.

Madankollu, t-tabib Jan Chircop qal li din il-mozzjoni la darba tgħaddi mill-parlament, tkun qed tipprotegi mhux biss lit-tfal iżda wkoll lit-tobba. Dan għaliex bħalissa t-tobba qiegħdin f’sitwazzjoni fejn jekk tiġi persuna minorenni titlobhom l-għajnuna huma jridu jċemplu lill-ġenituri tagħhom jew lil min hu responsabbli minnhom biex jingħata l-permess neċessarju biex huma jiġu mhejjuna.

Chircop li kif il-problema ma tkunx meta t-tabib ikun jaf lill-ġenituri, għax f’dak il-każ iċemplilhom u malajr ikun hemm kunsens minħabba l-fidi fit-tabib.

Madankollu, llum qed jinqalgħu iktar intoppi anke minħabba l-fatt li ħafna mill-ġenituri jaħdmu u mhux dejjem jintlaħqu permezz tat-telefon.

F’każi t’emerġenza t-tabib saħaq li wieħed irid joqgħod attent li jattendi għall-periklu li l-adoloxxenti jkun fih u li ma jpoġġix il-ħajja tal-pazjent fil-periklu fil-waqt li ma jkunx hemm ksur ta’ liġi.

Din il-mozzjoni flimkien ma’ dibattiti oħrajn li l-minorenni huma l-protagonisti tagħhom ikomplu juru li l-problemi soċjali li qed iħabbtu wiċċhom magħhom iż-żgħażagħ maltin qiegħdin jiġu ndirizzati.   Is-Soċjeta’ Maltija qed tinbidel. B’hekk hemm bżonn li l-liġijiet jinbidlu magħha u għalhekk dawn il-mozzjonijiet jagħmlu lok għal diskussjoni li tgħati iktar vuċi liż-żgħażagħ fis-soċjetà.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend