Liġijiet li jitrattaw l-ugwaljanza magħqudin | One News

Notifiki

Liġijiet li jitrattaw l-ugwaljanza magħqudin

L-iskop tal-abbozz ta’ liġi dwar l-ugwaljanza huwa li jgħaqqad il-liġijiet u direttivi li jittrattaw l-ugwaljanza u n-non diskriminazzjoni f’liġi waħda.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għal-Libertajiet Ċivili Helena Dalli spjegat kif dan l-abozz se jwassal biex kull karatteristika, bħal razza, reliġjon u ġeneru, ikunu protetti bl-istess mod.

Il-liġi se tistabilixxi l-prinċipji tal-ugwaljanza bħala prinċipji assoluti li ma jistgħux jinkisru u li, ħlief għal kif provdut fl-abbozz, ma jistgħux ikunu kompromessi.

Id-drittijiet stabbiliti fl-abbozz jistgħu jiġu asseriti kemm f’Qorti kif ukoll permezz tal-Kummissjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza.

Kummissjoni li hija stabbiltà fit-tieni abbozz preżentat, u se tkun qed tieħu post il-Kummissjoni Nazzjonali għal Promozzjoni tal-Ugwaljanza. Dik ġdida se sservi bħala l-istituzzjoni nazzjonali li tosserva l-istat tad-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza f’Malta.

Apparti li titkellem meta tara nuqqasijiet fil-qafas tad-drittijiet, il-Kummissjoni tista wkoll tinvestiga allegat ksur tad-dritt tat-trattament ugwali, kemm permezz ta’ ilment mingħand persuna kif ukoll fuq inizjattiva tagħha stess.

Jekk jirriżulta li kien hemm ksur, il-Kummissjoni tista timponi varjeta ta’ sanzjonijiet u rakkomandazzjonijiet, u fejn dawn ma jkunux segwiti, tista tirreferi l-każ tagħha lill-Qorti.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend