Pittura misterjuża ta' ċertu 'Alberto' mis-seklu 15 se tkun għall-wiri | One News

Notifiki

Pittura misterjuża ta’ ċertu ‘Alberto’ mis-seklu 15 se tkun għall-wiri

Pittura fuq panew tas-Seklu 15 se tkun tista’ terġa’ titgawda mill-pubbliku wara li ġiet konservata u restawrata minn Heritage Malta. Permezz tal-wirja, ‘Reborn – an early Renaissance painting in focus’, dan il-panew jinsab esebit għal perjodu qasir fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fejn il-pubbliku jkun jista’ japprezza aħjar il-proċess ta’ restawr u konservazzjoni li kien meħtieġ biex il-pittura ma tintilifx.

 L-għan huwa li dan il-panew jitpoġġa għall-wiri b’mod permanenti fil-MUŻA, li huwa l-mużew il-ġdid tal-arti għall-komunitá fil-Berġa tal-Italja u li se jkun wieħed mill-akbar proġetti mwettqa għal Valletta 2018 meta tkun il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura.

 Il-panew għandu storja misterjuża għall-fatt li minkejja li huwa magħruf il-perjodu ta’ meta sar, għadu mhux magħruf eżatt jekk kienx jifforma parti minn għamara jew minn pittura akbar. Li huwa żgur hu li kien jifforma parti minn xi ħaġa akbar.

Anke l-pittur mhux magħruf. L-unika indikazzjoni hija l-isem ‘’Alberto’’ indikata fuq skrizzjoni mpittra fil-parti ċentrali tal-pittura wara x-xena ċentrali tal-Madonna u l-Bambin.

Il-pittura turi tliet xeni. Fin-nofs b’mod prominenti hemm ix-xena tan-nativitá bil-Madonna ħdejn il-Bambin. Dawn il-figuri huma ikbar fid-daqs tagħhom u prominenti iktar meta mqabbla ma’ San Ġużepp li jidher mixħut jistrieħ mal-art fl-għar. Iż-żewġ xeni l-oħra juru l-Maġi fi triqithom lejn Betlehem u r-rgħajja jgħassu l-merħla.

Dan il-panew huwa sensittiv u problematiku wisq iktar minn pitturi oħrajn li kien hemm fil-Mużew tal-Arti. Matul is-snin ħafna miż-żebgħa tal-pittura bdiet tinqala’ u tintilef. Din id-deterjorazzjoni seħħet minħabba s-sensibbilitá notevoli tal-panew għall-kambjamenti tal-umditá. Minħabba f’hekk il-panew għadda minn diversi interventi ta’ restawr, fejn kull tant żmien, kolol ġew applikati fuq iż-żebgħa tal-panew b’tentattiv li ma titkompliex tintilef aktar żebgħa. B’hekk il-panew kompla jiddeterjora b’rata aktar mgħaġġla.

pittura2

Il-panew ġie studjat b’reqqa kbira u b’mezzi xjentifiċi għal perjodu ta’ sentejn. Il-manifattura tal-pittura ġiet studjata u ġie skopert ukoll liema partijiet tal-panew li kienu rtukkjati. Saru diversi testijiet ta’ sintetiċi li huma stabbli ħafna u riversibbli fosthom ukoll tal-injam tal-panew li kien qiegħed jiddeforma kawża tal-kambjamenti ta’ umditá matul l-istaġuni. Għalhekk tneħħew il-kolol li kienu jinsabu fuq iż-żebgħa oriġinali, il-verniċ skur u isfar li kienu qegħdin jgħattu ħafna mid-dettalji u l-kuluri oriġinali. Tneħħew ukoll irtokki u żebgħa oħra li ma kenux oriġinali. Iż-żebgħa li kienet qegħda tinqala’ minn mat-tavla, ġiet imwaħħla f’postha bl-aktar mod delikat u bl-użu ta’ apparat speċjalizzat.

 Wara dan il-proċess ġie deċiż li l-panew jitqiegħed fi klima stabbli bil-għan li l-panew jiġi ppreservat aħjar. Dan kien possibbli l-aktar permezz ta’ vetrina li ġiet iddisinjata u maħduma apposta mir-restawraturi ta’ Heritage Malta. F’din il-vetrina l-panew qiegħed jinżamm f’umditá stabbli u sa issa ma kienx hemm sinjali ta’ deterjorazzjoni.

 Il-wirja, ‘Reborn – an early Renaissance painting in focus’, se tkun qegħda tispjega l-proċess u l-isfidi ta’ restawr u preservazzjoni. Il-wirja se tkun fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija sal-31 ta’ Jannar 2017 matul il-ħinijiet tal-mużew, jiġifieri kuljum bejn id-9.00am u l-5.00pm, bl-aħħar dħul ikun fl-4.30pm. Id-dħul huwa bla ħlas.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend