Il-Ministru Farrugia jfakkar kif il-Gvern se jgħin aktar lil dawk li huma dipendenti mis-sena d-dieħla – One News

Notifiki

Il-Ministru Farrugia jfakkar kif il-Gvern se jgħin aktar lil dawk li huma dipendenti mis-sena d-dieħla

F’Palazzo Ferreria, l-Belt Valletta l-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia tkellem dwar il-miżuri mħabbra fil-baġit li se jidħlu fis-seħħ is-sena d-dieħla. Fosthom hemm l-allowance miżjuda għal carers (ICRA) li kienet tissejjaħ il-pensjoni tal-wens.

Fil-qosor:

  • Il-benefiċċju żdied minn € 105.30 fil-ġimgħa għal € 140 fil-ġimgħa b’żieda ta’ € 34.70 fil-ġimgħa jew €1,40 fis-sena.
  • Il-benefiċjarji eżistenti li jirċievu l-Pensjoni tal-Wens u li llum jammontaw għal 85, se jinqalbu awtomatikament għall-allowance il-ġdida, b’effett mis-7 ta’ Jannar 2017.
  • Għal dawn il-benefiċjarji, l-ICRA se tkun miżjuda bil-Bonus tal-Għoli tal-Ħajja sabiex b’hekk ikun garantit dak li ssemma’ fil-Baġit, li kullħadd se jieħu żieda ta’ €34.70
  • Il-kriterji sabiex wieħed ikun eliġibbl jinkludu li l-pazjent irid ikun ta’ dipendenza għolja. Jistgħu japplikaw, sew persuni singoli kif ukoll dawk miżżewġa. Għal dan il-benefiċċju mhux ikkunsidrati l-mezzi ta’ l-applikant, u l-applikant ma jridx ikun involut f’xogħol. Huwa jrid ikun jgħix fl-istess indirizz mal-pazjent
  • Artiklu 90 tal-Liġi tas-Sigurtà Soċjali jibqa’ jgħodd, jiġifieri, persuna ma jistax ikollha żewġ benefiċċji fl-istess ħin imma tingħata l-aktar wieħed vantaġġjuż
  • Sew il-pazjent kif ukoll il-Carer iridu jidhru quddiem Board Multi Dixxiplinarju
  • Ir-rata tal-benefiċċju ICRA hija ta’ €140 u tiżdied kull sena bl-ammont li jingħata għall-Għoli tal-Ħajja

Ta’ min jinnota wkoll li l-carer jista’ jkun intitolat għal Credits tal-Boll u dan il-benefiċċju mhux taxxabli. Waqt li ndirizza konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Farrugia tkellem ukoll dwar l-allowance għal carers (CRA) li kienet tissejjaħ ‘social assistance carers’ fil-passat. Dwarha qal li:

  • Il-benefiċċju żdied sa massimu ta’ € 76.53 fil-ġimgħa, fis-sena 2016, għal massimu ta’ € 90 fil-ġimgħa mill-bidu tas-sena d-dieħla, fejn għalhekk naraw żieda ta’ € 13.47 fil-ġimgħa jew € 700.44 fis-sena.
  • Il-Benefiċjarji eżistenti tas-SAC li jammontaw għal 261 se jinqalbu awtomatikament għal CRA u jirċievu l-ewwel pagament bir-rata l-ġdida fl-14 ta’ Jannar 2017. Kull benefiċjarju se jkun garantit li jirċievi iż-żieda mħabbra fil-baġit ta’ € 13.47 fil-ġimgħa.

Il-Minsitru Farrugia fakkar fil-kriterji sabiex wieħed ikun eliġibbli flimkien ma’ dettalji importanti oħra, fosthom

  • Li applikanti jridu jkunu singoli
  • Dan il-benefiċċju huwa wieħed means tested
  • L-applikant irid ikun qed jgħix fl-istess indirizz mal-pazjent
  • Il-pazjent irid ikun ta’ Dipendenza medja
  • L-applikant ma jridx ikun jaħdem
  • Artiklu 90 tal-Liġi tas-Sigurtà Soċjali jibqa’ jgħodd, jiġifieri, persuna ma jistax ikollha żewġ benefiċċji fl-istess ħin imma tingħata l-aktar wieħed vantaġġjuż
  • Il-Pazjent u l-Carer ikunu jridu jidhru quddiem Board Multi Dixxiplinarju
  • Il-Carer ikun intitolat għal Karta r-Roża

Applikazzjonijiet għaż-żewġ allowances se jibdew jintlaqgħu mill-1 ta’ Jannar tas-sena d-dieħla.

farrugia

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend