Tkabbir ekonomiku d-doppju tal-medja taż-żona ewro – One News

Notifiki

Tkabbir ekonomiku d-doppju tal-medja taż-żona ewro

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika wera kif, fit-tielet kwart tal-2016, il-ġid nazzjonali ta’ pajjiżna kiber bi 3%. Dan huwa kważi d-doppju tar-rata ta’ tkabbir li, skont il-Eurostat, kien hemm fiż-żona ewro fl-istess perjodu. Pajjiżna kellu t-tielet l-ogħla rata ta’ tkabbir wara Spanja u l-Islovakkja.

Iċ-ċifri uffiċjali juru li, matul l-ewwel tliet kwarti tas-sena, iż-żieda fil-ġid nazzjonali kienet ta’ madwar 3.9%. Dan jikkonferma t-tbassir ekonomiku tal-Gvern li sar fil-Budget li għadda. Ta’ min ifakkar ukoll li, fl-ewwel tliet kwarti tal-aħħar sena ta’ amministrazzjoni preċedenti t-tkabbir ekonomiku kien ta’ 2.7%.

Il-Gvern spjega li għal darba oħra hemm żewġ fatturi wara t-tkabbir ekonomiku b’saħħtu ta’ pajjiżna. L-ewwel fattur kienet iż-żieda qawwija fil-konsum privat. Filwaqt li l-Oppożizzjoni ssostni li hawn għafsa fil-pagi u l-familji ma jistgħux ilaħħqu, iċ-ċifri uffiċjali juru sitwazzjoni ferm differenti.

Il-pagi f’pajjiżna telgħu b’€177 miljun, jew b’6%, matul l-ewwel tliet kwarti tal-2016. Fl-istess perjodu fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti, iż-żieda kienet ta’ €121 miljun. Fl-istess ħin, tul l-amministrazzjoni preċedenti, l-inflazzjoni kienet tliet darbiet ogħla milli hi illum.

L-istatistika uffiċjali turi li, filwaqt li matul l-ewwel tliet kwarti tal-2016 il-konsum privat żdied bi 3.8% wara li tikkunsidra l-inflazzjoni, fl-istess perjodu fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti kien hemm tnaqqis ta’ 0.6%.

It-tieni fattur wara t-tkabbir ekonomiku qawwi fl-ewwel disa’ xhur tal-2016, ġie spjegat fl-Istqarrija tal-Gvern li tgħid li kien l-andament pożittiv fost l-azjendi. Iċ-ċifri uffiċjali juru li l-profitti tan-negozji għolew b’€183 miljun fl-ewwel disa’ xhur tal-2016, żieda ta’ 5.7% fuq l-2015. Din iż-żieda fil-profitti ġejja fost l-oħrajn minħabba tkabbir sinifikanti fl-esportazzjoni li żdiedet b’€138 miljun, wara li tikkunsidra bidliet fil-prezzijiet li seħħew matul l-2016.

Element ieħor importanti huwa li f’termini reali, meta mqabbel mal-istess perjodu fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti, l-investiment huwa €461 miljun, jew 51%, ogħla.

Fil-pjan ekonomiku tiegħu li kien ippublika fl-2013, il-Kap tal-Oppożizzjoni kien bassar li taħt it-tmexxija tiegħu fl-2016 pajjiżna kien ikollu tkabbir ta’ 3.3%. L-istatistika uffiċjali turi li pajjiżna kellu tkabbir ferm ogħla minn hekk, tant li l-ġid nazzjonali is-sena li għaddiet kien 20% aktar mill-miri li kellu Dr Busuttil.

Il-Gvern qal li fix-xhur li ġejjin, permezz tal-miżuri mħabbra fil-Budget, il-Gvern ser ikompli jaħdem biex dan it-tkabbir ekonomiku jiġi sostnut u l-ġid jasal għand kulħadd.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend