Il-qawmien tal-partiti popolisti | One News

Notifiki

Il-qawmien tal-partiti popolisti

 Matul l-aħħar xhur rajna avvenimenti politiċi ġodda f’diversi pajjiżi fejn qed iqumu forzi politiċi popolisti aktar milli dawk tradizzjonali, ideoloġiċi. Il-partiti li jħaddnu ideoloġija ċara qed jonqsu, u qed ifaqqsu diversi partiti li ma joffrux spettru wiesa ta’ viżjoni, iżda jiffukaw biss fuq aspetti partikolari – jiffukaw fuq materja/materji li qed jolqtu direttament lin-nies. F’każi partikolari, qed nassistu ukoll għal individwi li jsiru saħansitra akbar mill-partit li jkunu qed imexxu.

Inqisha ħaġa tajba li hawn partiti li m’għadhomx iħarsu lejn l-estrem tal-ispettru politiku, lemin jew xellug estrem, pero l-konverġenza tal-ideoloġija qed tħalli ‘grey-areas’ li minħabba f’hekk mhux qed tilħaq l-aspirazzjonijiet tan-nies. Huwa appuntu b’dawn l-aspetti li hemm min qed jipprova jaħtaf l-opportunita’ u jpinġi lilu nnifsu bħala s-salvatur jew protettur tan-Nazzjoni. Propju huwa hawnhekk fejn jibda l-periklu, periklu li jista’ jwassal għall-instabbilita’ nazzjonali u globali.

M’hiniex qed ngħid li l-partiti tradizzjonali huma perfetti. Xejn minn dan, anzi, il-qawmien ta’ partiti b’ideoloġija estrema hija wirja tal-falliment tagħhom meta kienu fil-poter. Gvern, partit, ma jistax iħares biss lejn l-iskopijiet elettorali tiegħu, iżda jrid iħares ukoll madwaru u dak li qed iħalli warajh tul il-mixja tiegħu. Gvern irid ikun ukoll responsabbli li jieħu d-deċiżjonijiet diffiċli, billi jkun wieżen il-konsegwenzi li tali deċiżjoni tista’ ġġib maġħha. Partit ideoloġiku jrid jibqa’ jħaddan u jirrispetta l-għeruq tiegħu u jgħaqqadhom mal-aspetti moderni ta’ dan is-seklu. Partit ma jkunx qed jgħamel ġieħ lil min eleġġieh jekk jitlaq il-bogħod mill-għeruq tiegħu, minn dak ili sawwru u zammu ħaj tul is-snin.

Sfortunatament, il-klassi politika globali tħalliet wisq tinqata’ minn maċ-ċittadini, u ċerti deċizjonijiet iebsin ma ttieħdux jew damu ma ttieħdu. Il-politikanti jrid ikollhom viżjoni, izda wkoll iridu jkunu qed iħossu l-polz tan-nies u jmexxu b’onesta’. Meta tkun viċin in-nies huwa ħafna iktar faċli biex iżżomm il-fiduċja tal-poplu u tmexxi l-pajjiż ‘il quddiem.

Ta’ QabelLi Jmiss
Chris Balzia għandu 30 sena u jgħix Birżebbuġa. Studja l-inginerija tal-avjazzjoni fil-kulleġġ tal-MCAST. Waqt li kien qed jaħdem f’dan is-settur, reġa’ ssokta bl-istudju tiegħu fejn ggradwa mill-Università ta’ Londra b’Diploma fl-Ekonomija. Bħalissa jinsab għaddej bl-istudji tiegħu għal Degree fil-Management. L-attiviżmu politiku minn dejjem kien jinteressaħ u jassoċja ruħu mal-ideali poltiċi xelluġin. Matul il-hajja studenteska tiegħu kien attiv mal-għaqda Pulse fejn anki serva għal diversi snin fl-eżekuttiv tal- għaqda. L-impenn politiku kompla bl-involviment fil-fergħa tal-Forum Żgħażagħ Laburisti ta’ Birżebbuġa u fl-eżekuttiv tal-FZL mill-2011 sa Frar tal-2016. Apparti l-interess fil-politika, impenn ieħor għal qalbu huwa l-iScouting. Chris ilu membru tal-iScouts mill-eta’ ta' sebgħa snin u baqa’ attiv fl-istess assoċjazzjoni fejn bħalissa jokkupa l-kariga ta’ Scout Leader mall-grupp ta' Birżebbuġa.

Send this to a friend