L-espressjoni artistika tal-Milied Malti – One News

Notifiki

L-espressjoni artistika tal-Milied Malti

  • Żgur nistgħu nkunu ferm aktar kreattivi

Il-Milied magħna u bħar-rutina tal-festa tar-raħal tfaċċa t-tiżjin li jsebbaħ (xi drabi jkerrah) it-toroq, l-irħula u l-imbierka roundabouts mal-gżejjer kollha. Nistgħu ngħidu li issa daħlet drawwa li bħal ħafna bliet barranin bi tradizzjonijiet u kultura Nisranija (ukoll jekk il-knejjes tagħhom aktar mimlija bit-turisti milli bid-devoti) nesprimu artistikament il-ferħ tat-tifkira tat-twelid ta’ Ġesu Bambin. Waqt li xi lokalitajiet, l-aktar dawk kummerċjali, qed jagħmlu sforzi biex itejbu l-espressjoni artistika oħrajn, l-aktar fejn huma postijiet pubbliċi (bħar-roundabouts) weħlu fi stil ta’ kitsch imsawwar minn dilettanti bla ebda ħjiel ta’ armonija mal-ambjent u wisq anqas mal-assiem ġenerali li għandu jilqa’ lis-sewwieqa li jsuqu minn roundabout għal oħra. Kulma jidher jixxiebah huwa l-livell fqir u primittiv li bihom tara għadd ta’ strutturi u forom tal-injam jew materjal ieħor jixgħelu b’figuri varji bla ebda ħajra li tapprezza xi forma ta’ arti fihom.

Pasturi u disinji pwerili fir-roundabouts

Biex tkompli tagħqad ftit snin ilu kellna ż-żjieda ta’ pasturi ripetuti tal-familja qaddisa maħduma minn materjal li jirreżisti t-temp iżda mill-ġdid sajmin minn kull ħjiel ta’ tnebbiħ kreattiv. Apparti l-era diġitali li ngħixu fiha fejn l-elettronika ħadet post il-ħafna bozoz kuluriti u għajjiena tas-snin ħamsin, bi ftit ħsieb nistgħu faċilment nitilgħu minn livell ta’ espressjoni dilettanteska għal waħda ftit aktar magħzula li tpaxxi l-għajn u tirrifletti l-kultura tagħna bir-riżultat li l-barranin jistgħu jiġġudikawna żgur aħjar fejn tidħol l-espressjoni artistika. Possibli bħalma norganizzaw bnadar għal zjajjar statali ma nistgħux  naħtru grupp artistiku (ukoll bl-għajnuna ta’ studenti tal-arti) li jwettaq xi ħaga armonjuża imma li fil-għajn titla’ ftit tarġiet iżjed biex timpressjona aktar milli turi kommunità mehdija b’idejat u disinji pwerili?

Merħba fil-Belt għall-Milied

Jekk nieħdu l-Belt Valletta f’dik li hi dekorazzjoni natalizja, jidher li Triq Repubblika qed tingħata dehra dejjem aktar nadifa, imdawwla u fl-istess waqt mingħajr dilettantiżmu żejjed. Dan pass għaqli għalkemm xorta għadni ma nifhemx għala ktibna Welcome to Valletta flok Merħba. Għadni nissuspetta li ħafna għadhom ma fehmux li t-turist (għax naħseb għalihom saret bl-Ingliż) ifittex aktar dak li hu tal-post nattiv inkluż il-lingwa milli tislima b’lingwa li ormai ma teċitakx biex tqanqallek il-kurżità u tħossok qed iżżur post eżotiku, differenti, mhux bħal ma ħallejt warajk id-dar. Ċert li ħafna żaru r-Russja u l-għaxqa tat-turist jipprova jaqta’ xi jfissru dawk l-ittri tal-alfabett li għalkemm jidhru Rumani madankollu għandhom tifisiriet tagħhom. Jista’ wkoll jagħti l-każ li Merħba tinstema’ wisq Għarbija u għalkemm issa għarafna l-Muxrabija f’xi 36 post f’Malta għadna nistħu ngħidu li lsienna hu Semitiku, djalett Għarbi mogħni b’vokabularju Rumanz u Ingliż.

Il-kurżità aqwa milli-imħabba

It-turist jixtieq iħossu milqugħ minn kommunità ospitabbli iżda jiddejjaq li tħassarlu (biex ma nużax kelma oħra) l-gost li tisfidah ifittex dak li ma jafx. Il-kurzità, jgħid Thomas Mann, hi b’saħħitha aktar mill-imħabba – tant li bla kurżita l-bniedem ma kien jasal imkien fejn jidħlu tant invenzjonijiet u sejbiet li mmarkaw il-progress fuq dil-pjaneta. Dak l-istint għadu fil-bniedem u ħalli għalina meta nsiefru nfittxu l-platt lokali, ix-xarba lokali, xi rokna jew binja nattiva u drawwiet li nittamaw li jissorprenduna għax differenti jew ma konniex nafuhom. Aħna Malta tant drajna nissottomettu ruħna għall-barrani, l-aktar dak kolonjali għax dik l-esperjenza li għandna, li ninsew x’verament jattira l-istint uman, it-tiftix ta’ kulturi mhux magħrufa u erħilna mingħalina nfissdu lil kull min iżurna. Barra dan meta jiġu tant turisti Taljani, Franċiżi, Ġermaniżi, Pollakki, Bulgari eċċ ma nafx għaliex għandna nibqgħu nuru lil kulħadd li m’aħniex kburin b’dak li ħu tagħna anzi bilkemm ma rridux niftaħru li għax nafu l-Ingliż mela aħna avvanzati aktar minnhom. L-Ingliż hu importantissimu fid-dinja tal-lum imma għax għandu jiżboq kull ħaġa oħra nattiva tagħna meta niġu biex noħolqu l-vetrina tal-attrazzjoni? Din qiesha bħal meta poġġejna l-kuruna tar-Reġina kull fejn fetlilna wara l-laqgħa taċ-CHOGM fil-belt Barrokka mibnija mill-Kavallieri. Mur ifhem! Meta ksibna d-dritt ta’ lsienna fl-Unjoni Ewropea kont ħsibt li forsi wasalna iżda milli jidher għadna fejn konna. L-anqas ħaqq il-flus li jintefqu biex naqilbu kollox għall-Malti.

Ċriev u borra f’Malta

Ftit granet ilu attendejt għall-ftuħ ta’ konferenza internazzjonali sabiħa l-Belt dwar il-kommunitajiet u l-ispazji. Laqatni Ġermaniż li ma setax jifhem kif it-tiżjin f’Malta (wara li laħaq ra dħul il-Belt) jixgħel b’għadd ta’ simboli li jagħtuk x’tifhem li f’daż-żmien tas-sena Malta jagħmel is-silġ, fil-kampanja jiġru ċ-ċriev u li s-siġar tagħna fix-xitwa jsiru bojod borra! Kulħadd tbissem – hu bħal donnu imbarazza ruħu kif se jaqbad jispjega dan il-fenomenu distort għal kollox meta ammetta li biex jiġbed xi ritratti tat-tiżjin kien liebes T-shirt u matul il-ġurnata fil-Belt beda jegħreq l-għaraq bis-sħana tas-sajf ta’ San Martin li mhemmx li jehda. Hekk jarawna l-barranin iżda mill-ġdid il-kolonja ġġegħlek temmen li kull ma kien jagħmel ta’ fuqek kien sew u int tibqa’ baxx u inferjuri. Jiena ċert li għandna biżżejjed talent Malti li anki t-tiżjin tal-Milied jista’ jieħu żvolta ‘l fuq bi ftit immaġinazzjoni, kreattività u idejat.

Niddejjaq inġieb eżempji barranin imma kif bliet akbar minn pajjiżna jirnexxielhom joħolqu l-effett armonjuż bl-anqas numru ta’ lwien u jħallu effett ġenerali koordinat? Tgħid ma nistgħux infasslu linja ta’ disinn li tirripeti ruħha bħala linja ġenerali artistika mar-roundabouts u t-traffic islands kollha? U possibli ma nimlewx kull toqba? Din influwenza Barrokka probabbli. Irridu nimlew kull vojt li nsibu. Tħares lejn ħafna knejjes ma ssibx rokna vojta fejn isserraħ l-għajn. Tħares lejn ċerti tiżjin, imqar ta’ djar privati, tintebaħ kemm ma nifilħux inħallu l-vojt biex jinqala’ d-disinn jew l-armar li nagħmlu. Fit-toroq fil-festi ssib l-anġli, statwi b’pedestalli goffi f’kull spazju, bandalori u pavaljuni, dwal u teptip, faxex ta’ karti mlewwna u fided qatigħ. Kollha sbieħ imma għad irrid inżur xi festa fejn l-istil ikun aktar imqit bla ma jitlef l-oriġini Barrokk ta’ xi drawwa qadima. Xi drabi dan il-kaos ta’ tiżjin inqiesu t-tberfil li kienu jagħmlu fuq it-trakkijiet u x-xarabanks antiki…ikteb, ħażżeż u imla kull rokna għax il-vojt mitluf. L-għajn tistrieħ bil-lejl jekk trid!

Ritratti: 

F’ras il-blog  hemm r-roundabout ta’ Qui Si Sana quddiem il-mina ta’ Tigné, taparsi mżejna għall-Milied kompluta b’sett boċċi bojod bla sens imwieżna b’sett ieħor did-darba ta’ torrijiet bla gost – dehra fjakka għall-aħħar.

Ir-ritratt tal-ġimgħa, li jidher hawn taħt, naraw dehra sempliċi bl-ilwien nazzjonali Pariġi tad-department stores famużi Galeries Lafayette kif imżejna għall-Milied. Is-sbuħija tinsab fis-sempliċità moderna.

franza

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend