“Arroganza u disprament politiku minn naħa ta’ Simon Busuttil” – Owen Bonnici – One News

Notifiki

“Arroganza u disprament politiku minn naħa ta’ Simon Busuttil” – Owen Bonnici

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali qal li llum assistejna għal att ieħor ta’ arroganza u  disprament politiku min-naħa ta’ Simon Busuttil u d-deputati tiegħu. Osserva li  għal darb’oħra, meta istituzzjoni ma tatix raġun lill-Partit Nazzjonalista, dawn jifexxew jattakkaw l-istituzzjonijiet.

Owen Bonnici tkellem waqt konferenza tal-aħbarijiet, ftit wara li l-Partit Nazzjonalista qal li r-ruling tal-ispeaker fejn sab lid-deputat Jason Azzopardi ħati ta’ ksur ta’ privileġġ “hu msejjes fuq konsiderazzjonijiet altament illoġiċi” u kompla jisfidah billi ressaq mozzjoni fil-Parlament.

Il-Ministru qal li “qisek għandek logħba football, għax player jagħmel foul fil-kaxxa u jingħata penalty kontrih, idur fuq ir-referee u jaqbad jinsulentah”.

Żied jgħid li Jason Azzopardi huwa eżatt bħal player arroganti, u għax l-iSpeaker ta ruling studjat u elaborat fejn qal ċar u tond li għandu jirtika l-kliem inġust li qal fil-konfront tal-Ministru, issa għamel mozzjoni ta’ sfiduċja fir-ruling u l-iSpeaker innifsu.

Meta l-sitituzzjonijiet jagħtu raġun lill-PN, joħorġu jgħidu li għandhom raġun huma, meta l-istituzzjonijiet ma jagħtux raġun lill-PN, joħorġu jattakkawhom. “Aħna nimxu differenti” innota l-Ministru “nirrispettaw l-istituzzjonijiet dejjem”.

Spjega kemm hija ħaġa rari li jkun hemm mozzjoni ta’ sfiduċja fl-iSpeaker u li fl-aħħar tletin sena kien hemm biss sittax, b’erba’ minnhom f’din il-leġiżlatura kontra l-iSpeaker preżenti. “Sintomatika tal-iktar Oppożizzjoni negattiva fl-istorja” qal Bonnici.

Fakkar li dan kien każ fejn Jason Azzopardi għajjru li gideb lill-Parlament f’xhieda li ta, u li anke ssemma l-kliem “klikka korrotta”. Il-Ministru qal li mexa skont il-proċeduri tal-Parlament, u l-iSpeaker sab li l-allegazzjonijiet ma kienu minnhom xejn.

“Jason Azzopardi ma kienx kuntent jattakka r-referee, iżda ħareġ jattakka wkoll ir-regoli tal-logħba” qal il-Ministru, filwaqt li nnota li “l-proċeduri huma tajbin jew ħżiena skont dwar min jintużaw”.

Ritratt: DOI – Jason Borg

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend