L-għażla dan il-Milied: Għawdex – One News

Notifiki

L-għażla dan il-Milied: Għawdex

  • F’Diċembru 2015 kien hemm żieda ta’ aktar minn 45,000 passiġġier u 15,000 vettura aktar minn Diċembru 2014

“Għawdex hu lest biex għal sena oħra jilqgħek fi gżiritna f’dan il-perjodu ta’ ferħ”, qal il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha kien imniedi  programm ieħor varat għal żmien il-Milied fil-gżira Għawdxija.

Il-Ministru Refalo spjega kif dan il-gvern kompla investa biex ikompli jsaħħaħ il-prodott turistiku Għawdxi f’dan il-perjodu tant importanti fil-kalendarju Għawdxi li b’ħidma kbira qed jattira influss ta’ eluf ta’ turisti kemm Maltin kif ukoll barranin.

Għawdex ħa l-fama bħala l-gżira tal-Milied minħabba d-diversi attrazzjonijiet u attivitajiet uniċi li wieħed jista’ jżur f’dawn il-jiem ta’ festi. Għal sena oħra, il-Kumitat Milied f’Għawdex, fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex,ġabar firxa ta’attivitajiet  tal-Milied biex iħejji programm mifrux fuq Għawdex kollu għall-perjodu bejn it-3 ta’Diċembru 2016, u t-8 ta’ Jannar 2017.

Il-Ministru Refalo semma’ kif minn statistika uffiċjali tal-Gozo Channel jirriżulta li n-numru ta’ passiġieri li qasmu bejn il-gżejjer  f’Diċembru 2015 kien ta’ 45,000 aktar mis-sena 2014. Dan minbarra l-fatt li n-numru ta’ vetturi kien ta’ 15,000 aktar mis-sena 2014. Dan juri biċ-ċar li l-ħidma li qed issir mill-Ministeru għal Għawdex f’dan ix-xahar tal-Milied qed tħalli l-frott mixtieq.

Il-Kumitat Milied f’Għawdex kompla jibni fuq il-pedamenti tal-2013 u din is-sena l-programm jinkludi firxa ta’ attivitijiet madwar Għawdex kollu. It-tradizzjonijiet, l-ikel u ċ-ċerimonji reliġjużi jagħmlu lil Għawdex destinazzjoni xitwija mimlija b’attivitajjiet għal persuni ta’ kull età. Il-Ministeru għal Għawdex offra kull għajnuna u sostenn biex dawn l-inizjattivi jirnexxu u tinħoloq attività kbira fil-gżira Għawdxija, fejn l-ispirtu tal-Milied ser ikun wieħed ħaj u movumentat.

Inizjattivi li jħajjru viżitaturi lejn Għawdex għal dan il-Milied jinkludu, fost oħrajn, presepji ħajjin f’Għajnsielem, fix-Xagħra u fin-Nadur. Il-kreattività Għawdxija tispikka fid-diversi wirjiet ta’ presepji statiċi u makkinizzati, magħmula minn kull tip ta’ materjal immaġinabbli.

gozo

Attrazzjonijiet li jagħtu valur għall-miġja f’Għawdex jinkludu wkoll pageants, purċissjonijiet, attivitajiet staġjonali, festi kulturali, dwal, u t-tiżjin tad-djar. Ma jonqsux anke l-kunċerti, avvenimenti reliġjużi, avvenimenti għat-tfal, Christmas markets, parati tal-Milied, u kull xorta ieħor ta’ divertiment għall-familja kollha.

F’isem il-Kumitat Milied f’Għawdex, Maria Farrugia tat id-dettalji tal-programm. Dawn jinkludu l-mixgħela tas-siġra tal-Milied, id-dinja tat-tfal, il-villaġġ agrikolu u, għal sena oħra l-parata tal-Milied, fost oħrajn. Il-programm imfassal hu ambizzjuż ħafna u żgur se joffri btala xierqa għal min ser iżur Għawdex fi żmien il-Milied. Barra l-fuljett mimli informazzjoni dwar id-diversi attivitajiet, aktar informazzjoni tista’ tinsab fuq il-website christmasingozo.com u l-paġna tal-Facebook bl-istess isem.

Il-Ministru għal Għawdex irringrazzja lill-kumitat ħabbrieki tal-Milied f’Għawdex, lid-direttorati varji fil-Ministeru għal Għawdex li kontinwament jagħtu s-sehem tagħhom, lill-operaturi ta’ negozji varji f’Għawdex, u lill-MTA li taw sostenn lill-attivitajiet li se jkunu organizzati. Il-Ministru awgura wkoll kull suċċess lill-artist Għawdxi Manuel Grech li l-presepju tiegħu ntgħażel biex ikun il-presepju tal-Vatikan għal din is-sena wara sejħa li saret mid-Direttorat tal-Kultura f’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta.

“Dan id-dettal għalina hu ferm importanti għax ifisser li isem Għawdex ser ikompli jkun rikonoxxut internazzjonalment,” sostna Anton Refalo.

Fi tmiem il-konferenza l-artist Noel Debono ippreżenta lill-Ministru Anton Refalo l-pittura  li ntużat din is-sena għall-attivitajiet u r-reklamar marbut mal-Milied f’Għawdex.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend