"Għadni mkisser… Ma nistax nieqaf nibki" | One News

Notifiki

“Għadni mkisser… Ma nistax nieqaf nibki”

  • ŻEWĠ KORRIMENTI F’SITT XHUR… INDIFNU FL-ADDOLORATA

Kliem Jonathan Attard, raġel ta’ 37 sena li f’temp ta’ sitt xhur kien se jsir missier darbtejn, iżda ma kienx imnalla.

Ma’ one.com.mt spjega kif wara 17 –il sena, ħassu lest li jkollu t-tfal, iżda wara żewġ korrimenti mhux se tkun faċli.

“L-ewwel korriet b’tifel t’erba’ xhur, imbagħad reġgħet korriet b’tarbija ta’ xahar.”

Ulied Jonathan kienu fost is-47 tarbija li ndifnu lbieraħ fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata wara quddiesa. Ħafna minnhom kienu każijiet ta’ korrimenti, filwaqt li oħrajn mietu għax twieldu kmieni.

It-trabi kollha tqiegħdu f’tebut wieħed abjad, imdawwar b’ommijiet u missirijiet imnikkta. Jonathan fisser iċ-ċerimonja bħala importanti ħafna speċjalment għalih bħala ġenitur.

“Issib nies jgħidulek li għax ma twelidx m’hemmx għalfejn funeral. Mela mhux xorta tarbija hemm! Xorta tarbija. It-tarbija tagħna.”

Fl-aħħar taċ-ċerimonja, il-ġenituri kollha ngħataw anġlu bil-kliem “Briefly in our lives, forever in our hearts” mnaqqax fuqu – bħala simbolu li għalkemm qatt ma ltaqaw ma’ dawn it-trabi, xorta se jibqgħu f’qalbhom.

U wara żewġ esperjenzi qarsa bħal dawn, Jonathan lest li jerġa’ jipprova biex ikun missier?

“Nixtieq. Ifhem mhix deċiżjoni li nieħu waħdi lanqas, nixtieq nipprova tal-aħħar. Imma issa naraw maż-żmien.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend