FILMAT: Gidbu dwar id-De La Rue u nqabdu | One News

Notifiki

FILMAT: Gidbu dwar id-De La Rue u nqabdu

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u kelliema ewlenin fix-shadow cabinet tiegħu kienu provaw joħolqu storja li l-gvern kellu xi interess li d-De La Rue titlaq minn Malta. Biex bl-aħbar tat-Tlieta, dik li d-De La Rue se żżomm kollox Malta u timpjega iktar nies, irriżulta għal darb oħra li kampanja tal-Kap tal-Oppożizzjoni kienet mibnija fuq qerq u previżjonijiet ħżiena.

Kien tard is-sena li għaddiet li d-De La Rue ħabbret li filwaqt li kienet se tinvesti f’ċentru ta’ eċċellenza f’Malta, riedet tieħu l-linja tal-istampar ta’ flus x’imkien ieħor. U eventwalment tħabbar li wara ħidma tal-gvern kienet ġejja kumpanija oħra f’dan is-settur. Dakinhar, il-Partit Nazzjonalista bħal donnu prova jagħti x’jifhem li l-gvern kellu xi skop li d-De La Rue titlaq minn Malta. Saħansitra, il-Kap tal-Oppożizzjoni allega dan fid-diskors tiegħu tal-baġit.

Id-diskors ta’ Simon Busuttil kien ċar. Ried ibellagħa lin-nies li l-gvern ried id-De La Rue titlaq. Saħansitra rrepetih Jason Azzopardi f’konferenza tal-aħbarijiet mimlija allegazzjonijiet.

Peró, f’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, fil-preżenza ta’ uffiċjali għolja tad-De La Rue, irriżulta kemm il-kliem ta’ Busuttil u n-nies tiegħu ma kien xejn għajr kliem fieraħ.

Għax il-gvern kien qed jiddiskuti mad-De La Rue. Tant li filwaqt li ġab kumpanija ġdida wassal biex id-De La Rue żomm l-istampar tal-flus Malta fiċ-ċentru ta’ eċellenza l-ġdid b’investiment ta’ tlieta u tletin miljun ewro.

Quddiem l-aġir tal-Partit Nazzjonalista tkellem il-Partit Laburista li nnota kif Simon Busuttil għal darba oħra reġa’ mar żmerċ bi tbassir ieħor bħal ma ġara fil-każ tal-bail-out u l-qgħad.

“Illum f’Malta għandna fost l-ikbar żewġ ġganti fil-qasam tal-istampar tal-karti tal-flus u passaporti fid-dinja, wara l-investiment ġdid mill-Istati Uniti permezz ta’ Crane currency,” qal il-Partit Laburista. Il-Partit Laburista tenna li dan il-Gvern mhux biss qed jaħdem sabiex ikunu attirati investimenti ġodda lejn pajjiżna, iżda qed jagħmel dak kollu possibli biex jikkonsolida dak li diġa’ hawn f’pajjiżna.

Ta’ QabelLi Jmiss
F’dan il-blog Aleander Balzan se jkun qiegħed jikteb ħsibijietu dwar temi differenti li jkunu għaddejjin f’pajjiżna; mill-politika għal temi soċjali u oħrajn kontroversjali. Min jaf lil Aleander jaf li huwa dritt għal punt u dak li għandek tistenna f'dan l-ispazju. Huwa gradwa fl-Istudji Ewropej, il-Komunikazzjoni u l-Politika mill-Università ta’ Malta

Send this to a friend