Le għal ‘status quo’ f’Paceville – One News

Notifiki

Le għal ‘status quo’ f’Paceville

Ftit tal-ġimgħat ilu, l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet masterplan għal Paceville u minnufih għamlitha ċara li dan kien masterplan għad-diskussjoni.

Intqal li kien hemm sitt ġimgħat biex il-pubbliku jgħid tiegħu dwar dan il-‘master plan’ u jdaħħal is-suġġerimenti jew id-diffikultajiet tiegħu b’dak propost għand l-Awtorità.

Eventwalment is-sitt ġimgħat saru disa’ ġimgħat, biex in-nies tal-PA setgħu jisimgħu mingħand ir-residenti u n-negozji f’laqgħat pubbliċi u anke personali. Biex kien bla sens l-argument ta’ min mar jipprotesta għax qal li ma kienx konsultat. Wieħed jista’ jipprotesta kemm irid. Iżda ma tistax tgħid li ma kontx ikkonsultat meta saħansitra ssejaħt fil-Parlament biex tgħid tiegħek dwar dak propost.

Iżda lil hinn mill-argument vojt ta’ min qed jgħid li ma kienx ikkonsultat f’laqgħa ta’ konsultazzjoni, il-mistoqsija hi waħda. Int kuntent b’Paceville kif inhu llum? Diffiċli tirċievi tweġiba ta’ iva. Il-post kif inhu llum huwa xhieda ta’ post li żviluppa mingħajr pjan. Tispikka l-infrastruttura li xejn ma tgħamel ġieħ lil numru ta’ lukandi ta’ ħames stilel li wieħed isib f’Paceville.

Imbagħad hemm mistoqsija oħra dik dwar jekk f’pajjiż b’ekonomija qed tikber fejn kulħadd irid jgħix kwalità ta’ ħajja aħjar jistax jieqaf l-iżvilupp. It-tweġiba hi le.

Meta tara dak l-interess li hemm fiż-żona b’tant proġetti proposti, b’miljuni lesti biex ikunu investiti u proġetti bil-marka ta’ wħud mill-ikbar arkitetti fid-dinja, diffiċli u m’għandekx tgħalaq għajnejk għall-opportunità.

Iżda, minn naħa l-oħra, il-fatt li dawn in-nies għandhom il-flus ma jfissirx li jistgħu jagħmlu li jridu. U għalhekk huwa kruċjali li jkun propost ‘master plan.’ Issa l-‘master plan’ ippropona dak li jista’ jidher huwa l-ideali. M’għandniex xi ngħidu li l-ideali qatt mhu se nsibuh għax ladarba jintrifsu l-kallijiet se jkollok ħafna li jsibu mitt diffett. Difetti li żgur li l-gvern se jikkunsidrahom meta jiġi biex jirrevedi l-proġett, sa kif imwiegħed mill-ewwel ġurnata. Biex inkunu nafu x’se jiġri finalment għad irridu naraw il-pjan rivedut.

Però ħaġa waħda hemm ċerta. L-istatus quo f’Paceville mhux għażla tajba. Paceville għandu u se jinbidel. Kif f’ġara f’każi oħra dan għall-ajar.

Ta’ QabelLi Jmiss
F’dan il-blog Aleander Balzan se jkun qiegħed jikteb ħsibijietu dwar temi differenti li jkunu għaddejjin f’pajjiżna; mill-politika għal temi soċjali u oħrajn kontroversjali. Min jaf lil Aleander jaf li huwa dritt għal punt u dak li għandek tistenna f'dan l-ispazju. Huwa gradwa fl-Istudji Ewropej, il-Komunikazzjoni u l-Politika mill-Università ta’ Malta

Send this to a friend