"Messkom għamiltuh qabel!" | One News

Notifiki

“Messkom għamiltuh qabel!”

“Il-ftehim bejn l-UE u l-Kanada dwar il-liġijiet tal-kompetizzjoni ma messux dam tmin snin biex ikun finalizzat u messu kien inkorporat fic-CETA” qal l-Ewroparlamentari Alfred Sant fil-Kumitat tal-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament Ewropew (ECON). Dan il-ftehim huwa ċar. Joffri dettalji dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Kanada u dawk tal-Unjoni dwar is-servizzi rispettivi tagħhom. Joffri wkoll informazzjoni dwar attivitajiet li jmorru kontra l-kompetittivita` u li jistgħu jinteressaw liż-żewġ naħat. Il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati fuq dan is-suġġett fid-9 ta’ Ottubru 2008.

Dr Sant tkellem bħala ‘Shadow Rapporteur fuq rapport li għandu l-għan li jtejjeb il-ftehim li sar fl-1999 mal-Kanada, bl-għan li jidħol mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-UE u dawk tal-Kanada. “Għaliex domna daqshekk biex naslu fl-istadju preżenti, meta ma kienx hemm forzi li jopponu n-negozjati? Kien hemm xi diffikultajiet moħbija involuti?” staqsa Dr Sant.

Il-ftehim jinkludi kapitlu dwar l-impenn biex iż-żewġ partijiet isegwu flimkien politika u proċeduri biex jegħlbu miżuri kontra l-kompetittivita`. “Dan il-ftehim u r-ratifikazzjoni tiegħu, huwa koerenti ħafna mas-CETA. Li kieku l-ftehim innifsu ġie ffinalizzat aktar malajr, seta’ ġie integrat fis-CETA u mhux separatament,” irrimarka l-Ewroparlamentari Malti.

Ftehim simili dwar skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jeżisti diġà mal-Isvizzera.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend