DAQSHEKK vjaġġar kif ġieb u laħaq lejn pajjiżi Ewropej fejn m’hemmx bżonn viża – One News

Notifiki

DAQSHEKK vjaġġar kif ġieb u laħaq lejn pajjiżi Ewropej fejn m’hemmx bżonn viża

L-Unjoni Ewropea żvelat pjanijiet għal sistema ġdida ta’ kontrolli ta’ sigurtà fuq vjaġġaturi li għandhom permess jidħlu l-Ewropa mingħajr viża, fi sforz biex jitwaqqfu l-estremisti.

Persuni minn sittin pajjiż fejn hemm waiver fuq il-visa, inkluż l-Istati Uniti, se jkollhom iħallsu €5 u jimlew dokumenti online. Wara, jingħataw permess jivjaġġaw lejn wieħed mis-26 pajjiż Ewropew li fihom m’hemmx bżonn visa.

Il-Kummissarju responsabbli mis-sigurtà fl-Unjoni Ewropea, Julian King, qal li billi jwaqqfu individwu li għandhom potenzjal joħolqu problemi u jżommuhom milli jersqu lejn l-Ewropa, tkun imtejjba s-sigurtà interna fi ħdan l-Unjoni.

Wara li jintlew id-dokumenti, tidħol fis-seħħ ħidma ta’ sistema awtomatika li tqabbel dak miktub ma’ visas, u databases dwar passati kriminali u dokumenti misruqa. Ħafna nies ikollhom approvazzjoni immedjata, għalkemm ċertu talbiet jaf idumu 72 siegħa biex ikunu approvati.

L-ogħla uffiċjal Ewropew dwar il-migrazzjoni, Dimitris Avramopoulos, qal li s-sistema se tgħin biex ikunu identifikati persuni li jaf ikunu ta’ theddida għas-sigurtà, persuni li jridu jemigraw illegalment, jew persuni li jkunu ta’ theddida għal sistemi tas-saħħa.

L-Istati Uniti tal-Amerka kienet introduċiet passi simili wara l-attakki ta’ nhar il-11 ta’ Settembru. Fil-passat kienu l-Ewropej stess li lmentaw li b’dawn il-passi, kienu qed jitnaqqsu l-visas. Iżda l-attakki mdemmija li seħħew f’Pariġi u Brussell is-sena li għaddiet, meta mietu aktar minn 162 persuna, skattaw il-bżonn ta’ mekkaniżmi ġodda.

Il-Kummissjoni tixtieq li din is-sistema tkun bdiet titħaddem fl-2020.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend