Koperazzjoni bejn Malta u r-Russja fi tliet setturi differenti – One News

Notifiki

Koperazzjoni bejn Malta u r-Russja fi tliet setturi differenti

Il-Prim Ministru Joseph Muscat kellu laqgħat mal-Prim Ministru tal-Federazzjoni Russa Dmitry Medvedev f’Moska fejn ġew diskussi diversi temi bilaterali kif ukoll relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja fid-dawl tal-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-Ministri fl-2017.

Fi tmiem it-taħdidiet ġew iffirmati tliet ftehimiet ta’ koperazzjoni bejn Malta u r-Russja fl-oqsma tal-edukazzjoni, turiżmu u kummerċ. Tħabbar ukoll li r-Russja se tkun qed tressaq ‘il quddiem draft ta’ ftehim dwar il-qasam tal-adozzjonijiet.

Il-Prim Ministru Malti qal li Malta tħares ‘il quddiem u lesta taħdem biex tiġi ppreparata t-triq għal xenarju fejn ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja jitjiebu filwaqt li tenn li Malta lesta tkun parti mis-soluzzjoni.

Il-Prim Ministru Russu qal li s-sena d-dieħla ż-żewġ pajjiżi jagħlqu 50 sena ta’ relazzjonijiet diplomatiċi u sostna li jittama li dawn ir-relazzjonijiet ikomplu jitjiebu.

Iż-żewġ Prim Ministri tkellmu fuq titjib ta’ koperazzjoni kummerċjali bejn Malta u r-Russja u ġew diskussi investimenti fl-oqsma tat-turiżmu, loġistika u saħħa fost l-oħrajn.

Ġew diskussi wkoll relazzjonijiet internazzjonali u l-kunflitti li jeżistu fis-Sirja, fil-Libja u kwistjonijiet oħra reġjonali li jolqtu mill-qrib liż-żewġ pajjiżi.

Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru f’dawn il-laqgħat kien hemm id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Ewropew Louis Grech li tkellem dwar il-prijoritajiet ta’ Malta għal waqt il-Presidenza kif ukoll il-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella li tkellem dwar ir-relazzjonijiet bejn Malta u r-Russja u kwistjonijiet oħra li jolqtu lir-Russja u lil Malta f’fora multi-nazzjonali.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend