Fl-aħħar ta’ Ottubru, il-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ta’ l-Iżvilupp iltaqa’ fil-Parlament biex jiddiskuti xi tibdil fil-Pjan Lokali għal Għawdex u Kemmuna, b’mod speċifiku fir-rigward taż-Żona Industrijali tax-Xewkija f’Għawdex.
Din il-proposta kienet tikkonċerna sit mdaqqas li llum jista’ jintuża għall-ipproċessar ta’ prodottu agrikoli u għal suq skon il-Pjan Lokali, u li l-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar qiegħda tipproponi li tkun tista’ tinbidel għal użi industrijali ġenerali u tifforma parti mix-Xewkija Enterprise Hub.
Fi stqarrija, l-Kamra tal-Periti qalet li għalkemm din il-proposta dehret li hi waħda ta’ proċedura normali, il-Kamra innotat li f’dan is-sit hemm l-impjant antik tal-Ħalib tal-MMU, li kien iddiżinjat mill-perit magħruf Joseph Huntingford, u li jinkludi numru ta’ elementi arkitettoniċi uniċi li huma ispirati mill-Moviment Modernist (Modernist Movement).
Il-Kumitat iddiskuta l-possibilità li l-policy il-ġdida tkun tinkludi klawżola li tassigura l-protezzjoni ta’ dawk l-elementi arkitettoniċi li jimmeritaw li jkunu miżmuma u pprezervati.
Il-Kamra tal-Periti esprimiet il-qbil tagħha mal-intoduzzjoni ta’ din il-Klawżola, “b’mod partikolari in vista tat-twaqqiegħ ftit ġimgħat ilu tal-blokk amministrattiv tal-fabbrika antika tad-Dowty fl-Imrieħel, li wkoll kien bini f’dan l-istil Modernist, u li twaqqa’ wara li l-Awtorita’ tal-Ippjanar ħarġet permess biex dan isir”.
Temmet tħeġġeġ lill-Ministru biex tali klawżola tiġi fil-fatt inkluża fil-policy tax-Xewkija Enterprise Hub, biex dawk l-elementi tal-bini li jimmeritaw protezzjoni jkunu jistgħu jiġu integrati fi kwalunkwe żvilupp ġdid li jiġi propost għal dan is-sit.