Power to the people | One News

Notifiki

Power to the people

L-elezzjonijiet fl-Amerka dejjem jiġbdu l-attenzjoni tad-dinja, mhux biss għax huwa l-aktar pajjiż-stat b’saħħtu fid-dinja, mhux biss għax il-kampanji elettorali huma twal ħafna u allura jkun hemm coverage estensiv (il-kampanja ilha għaddejjha kważi sentejn) iżda għax is-sistema politika Amerikana, bis-separazzjoni tal-poteri, tagħti poteri kbar lill-President tagħha, li huwa effettivament l-iktar bniedem b’saħħtu fid-dinja.

Id-dinja ilbieraħ qamet taħt ‘xokk’għax rat lil Donald Trump isir il-ħamsa u erbgħin President Amerikan fl-istorja, taħt xokk għax semgħet fil-mezzi tax-xandir li darba qagħad jitmejjel b’ġurnalist bi bżonnijiet speċjali, għax kien jaqbad ‘l hemm u ‘l hawn u hawn, għax irid joħroġ l-Istati Uniti min-NATO u għax irid relazzjonijiet aħjar mar-Russja.

Il-poplu Amerikan iżda ma kienx taħt xokk. Ried iwassal messaġġ, bħal ma wassal il-poplu Brittaniku ftit xhur qabel.

L-elezzjonijiet huma dwar in-nies u mhux dwar min għandu l-aħjar produzzjonijiet viżivi, mhux dwar min għandu l-aktar mezzi tax-xandir warajh, mhux dwar min għandu l-aktar flus biex jagħti ż-żejt il-magna elettorali tiegħu, l-elezzjonijiet iservu biex dak li jaħseb, irid u jippjana l-poplu jseħħ. Iseħħ billi jassoċċja ruħu ma’ kandidat. Il-poplu Amerikan hekk għamel. Ma tistax taqbel ma’ kull ħaġa li qal Trump, hemm affarijiet li m’għandhomx isiru għax jafu jwasslu bosta affarijiet f’xifer l-irdum, iżda l-poplu Amerikan ma ridtx more of the same, ried lil xi ħadd li jitkellem bħalhom kull fejn ikunu, lil xi ħadd li huwa eċentriku xi ħadd li ġab still ġdid taqbel jew taqbilx miegħu.

Wieħed issa jrid jara kemm dak li qal se jpoġġih fil-prattika, iżda huwa inutli li d-dinja kollha tipprova ssib mitt skuża għaliex seħħ dan kollu, inutli fuq l-istazzjonijiet Amerikani tal-aħbarijiet jaqsmu l-votatnti skont jekk humiex edukati, jekk humiex ta’ nisel differnti, jekk hux nisa, il-poplu huwa wieħed, jinkludi fih lil kulħadd, ġej minn fejn ġej u jaħseb dak li jaħseb.

Din l-elezzjoni jekk ma serviet għalxejn, serviet għal għan wieħed, dik li tiftaħ għajnejn il-politiċi kollha madwar id-dinja. Messaġġ lil politiċi elite u li huma parti mill-establishment. Dan huwa diġa t-tieni avveniment tal-istess xorta din is-sena, ftit qabel kien hemm il-vot dwar jekk ir-Renju Unit għandiex toħroġ mill-Unjoni Ewropea jew le, kif filfatt se tagħmel, minkejja li f’għajnejn bosta, forsi anke f’għajneja ma kinitx it-triq loġika, bħal ma kinitx l-għażla ta’ Trump fi ħsibijieti.

Il-politiċi m’għandhomx jiggvernaw mill-Uffiċċji tagħhom, b’daqqa ta’ firma fuq xi liġi, jew waqt xi dibattitu, iżda jiggvernaw fit-triq, billi wieħed jifhem ir-realtajiet li jgħixu fihom, li ma jiġġudikahomx għax qed jitkellmu b’mod li forsi għal ħafna huwa rażżist jew barra minn loku. Minkejja li ma jfissirx li għandu jkun hemm carte blanche u kulħadd jagħmel li jrid fl-aħħar mill-aħħar, tgħid kemm tgħid il-poter jinsab f’idejn il-poplu.

Ta’ QabelLi Jmiss
Nigel Vella huwa Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Gradwat mill-Università ta’ Malta fl-Istorja u ilu attiv fil-politika minn mindu kellu 16–il sena. Ħadem f’bosta Għaqdiet bħall-FŻL u l-għaqda tal-istudenti PULSE. Kitbitu se tmur lil’ hinn mill-politika li zgur ser tkun it-tema li tiddomina l-blog tiegħu, iżda permezz tal-kliem sempliċi jridu jitwasslu opinjonijiet oħra fuq materji oħra. Li hu zgur huwa li mhux se jkun hemm tidwir mal-lewża u logħob bil-bżalu.

Send this to a friend