Il-mewġa ta’ xokkijiet populisti tkompli – One News

Notifiki

Il-mewġa ta’ xokkijiet populisti tkompli

Daqqa ta’ ħarta għan-nisa fil-politka moderna

M’hemmx dubju li r-riżultat tal-elezzjoni presidenzjali tal-Istati Uniti tinsab fuq fomm kulħadd. Ħafna osservaturi politiċi – u ċerti mexxejja politiċi u boroż globali tal-finanzi – qed iqiesuh bħala xokk ieħor f’mewġa dejjem tikber ta’ ilħna tal-poplu li jridu l-bidla fil-pajjiżi demokratiċi mingħajr l-appoġġ ta’ dawk li ġejjin minn dik is-sezzjoni ġa stabbilita (establishment) u li allura ikollhom ħafna esperjenza ekonomika u responsabbiltà.

Il-fatt li Donald Trump – li xi wħud poġġewh b’ċans wieħed f’150 li jirbaħ – barrani għal kollox għall-klassi politka rebaħ, ukoll jekk kien stqarr u wiegħed ħwejjeġ kontroversjali, jidher li qanqal aktar il-vot popolari. Tidher li l-Amerka tilfet iċ-ċans li jkollhom l-ewwel mara bħala president. Hawn l-ewwel riflessjoni fuq il-fiduċja popolari fin-nisa fil-ħajja pubblika – tista’ wkoll titqies bħala daqqa ta’ ħarta għall-avvanz femminili fil-politka moderna.

Ninnutaw ukoll li qabel biss ma aċċetta pubblikament il-vitorja storika tiegħu u għalhekk kellu biss 247 vot elettorali mill-kważi 300 li ġab fl-aħħar, Marie le Pen, mexxejja tal-partit lemini Franċiż, ġa kienet qed tifraħlu. Skont il-kampanja tiegħu Trump irrapreżenta mod ġdid kif tmexxi pajjiż, ċaħda pubblika tad-dinastiji stabbiliti, riskju kkalkulat f’par idejn ġodda. Vantaġġ kbir ta’ Trump – li Obama ma kellux fl-aħħar snin – hu li l-kungress biż-żewġ taqsimiet tiegħu – għandhom ituh appoġġ fit-tmexxija u fil-bidliet, dejjem jekk jirnexxilhom isewwu d-differenzi li bdew jidhru waqt il-kampanja. Hawn tikber il-bravura ta’ Trump: mhux biss irnexxielu jegħleb l-oppożizzjoni tad-Demokratiċi iżda anki l-oppożizzjoni tal-partit tiegħu u joħroġ bħala l-eroj tal-klassi l-ordinarja – fost taqsimiet oħra tal-poplu – li hu żgur mhux ġej minnha! Qiesek thewden għaliex il-vot populista poġġa daqstant fiduċja f’biljunarju.  Possibli l-poplu Amerikan – u bħalu oħrajn fl-Ewropa – tant jinsab iddisprat għall-bidla li lest jafda l-aktar bniedem nieqes minn esperjenza u mimli ħsiebijiet radikali?

Il-President tela’ b’ċajta ?

U hawn jidħollok dubju. Tgħid din l-elezzjoni kienet ċajta? Għala vvutawlu b’daqstant ħerqa li stati sħaħ li kienu blu saru ħomor? Tgħid ivvutawlu ż-żġħażaġħ bil-vot ġdid f’idejhom? Tgħid ivvutawlu dawk li ngustaw lill-First Lady ġdida nuda fil-paġni tal-mudelli fuq l-internet? Tgħid ivvutawlu dawk influwenzati mis-social media u mhux mill-istazzjonijiet tat-TV li  mexxew kampanja kbira favur Clinton? Tgħid dan kien vot ta’ sfiduċja fid-Demokratiċi minħabba t-tmexxija ta’ Obama fl-aħħar snin, fejn m’għamel kważi xejn għax is-Senat kien jibblukkah? Tgħid ivvutawlu x-xovinisti kollha li ma jridux in-nisa jilħqu? Żgur jidher li vvutawlu dawk li ma jriedux aktar emigranti deħlin fil-pajjiż. Jippreferu li jibnu ħajt mal-Messiku. Ma jridux aktar Musulmani jidħlu fil-pajjiż; ma għandhomx grazzja ma’ dawk li ilhom l-Istati Uniti u jridu jkeċċuhom għax qed jieħdulhom xogħolhom. Tgħid hemm votanti razzisti wkoll? Tgħid dawn kollha ltaqgħu f’votazzjoni ma’ dawk li riedu jtellgħu president b’ċajta biex jaraw x’jiġri meta dan jeħodha kontra l-istituzzjonijiet kollha stabbiliti ? Forsi hemm min ħa gost itella’ president li ma jkunx is-soltu, imma jbeżża’ lil kulħadd, tipo Rambo li lest jieqaf lil kulħadd u jagħmel ħbieb mar-Russja u l-Korea ta’ Fuq ? Jixtiequ jarawh   joħroġ minn qoxrithom lil dawk fil-politka Amerikana li xebgħu jġelldu l-Amerka mar-Russja, maċ-Ċina u mal-Korea.

Brexit oħra?

U hawn tidħol l-istramberija l-oħra. Opinjoni popolari li bdiet tidher meta tħabbar ir-riżultat iżda wara d-diskors tal-vitorja juri li 60 fil-mija mill-Amerikani ma ħadux gost bir-riżultat! Din bħal ta’ Brexit. Iġġegħlek taħseb li hemm żewġ nazzjonijiet: dawk li jivvutaw u dawk li jwieġbu dawn is-sondaġġi? Tgħid imbagħbsa dawn is-sondaġġi jew aħjar influwenzati wisq minn dawk li jagħmluhom? Fl-Istati Uniti ġara l-istess skerz li ġara fir-Renju Unit fuq Brexit. Kienu żbaljati u r-riżultati ħarġu bil-maqlub tas-sondaġġi li kienu saru. Bħall-Brexit ukoll ġa jidhru xquq fost dawk li jmexxu l-media globali Amerikana u Brittanika għax ir-riżultat ma jogħġobhomx. X’se jagħmel Trump wara Jannar li ġej meta jieħu r-riedni tal-Oval Office? Se jkollu l-istess problema li qed titfaċċa Theresa May meta jibdew isejjħu li kien kollox żball u hemm bżonn nerġgħu nibdew?

Min feraħ b’das-suċċes aħmar ?

Il-barranin li daħlu fit-tellieqa presidenzjali Amerikana f’dawn l-aħħar mitejn sena ma waslux fejn riedu. Trump wasal. Lil min ferraħ l-iżjed? Lil Putin li bħall-mexxejja tipo tiegħu jixtieq jara n-NATO tiddgħajjef? Trump kien iddikjara li ma jridx irbit żejjed man-NATO mingħajr ma l-pajjiżi li qed jiġu mħarsa joħorġu iżjed sehemhom fil-flus li l-Amerka tonfoq f’dawn l-alleanzi Ewropej u Asjatiċi.  Tgħid ferħu bih ir-razzisti tad-dinja li ma jriedux emigranti wara biebhom – pjaga kbira globali li qed tweġġa’ sew lill-Ewropa wkoll? Bl-elezzjoniji Franċiża, Ġermaniża saħansitra Iranjana wara l-bieb liema partiti, kandidati se jqawwu qalbhom bir-rebħa glorjuża tan-negozjant Trump ? Tgħid ferħu l-aktar dawk li ma jniżżlux l-Istati Uniti u l-politka arroganti tagħhom fit-taħwid mondjali u jridu jarawhom iżolati ? Tgħid se jifirħu fl-Amerka dawk l-emigranti – Kubani, Messikani – li ġa jinsabu fl-Istati Uniti u ma jixtiequx li aktar minn nieshom iżiedu l-preżenza tagħhom ħalli ma jagħtux wisq fil-għajn? Żgur illum qed iħabblu rashom pajjiżi bħall-Iran, is-Sawdi Arabja li xebgħu joqtlu nies fil-Jemen mingħajr ħadd ma jgħid xejn fil-media tal-Punent ghax qed jużaw armi Amerikani u Ingliżi? Tgħid se jifraħ Assad tas-Sirja, Erdogan tat-Turkija li jixtiequ l-koalizzjoni tal-Punent, bit-tmexxija Amerikana, iwarrbu min-nofs kontra r-ribelli u l-ISIS? Forsi ferħu l-leministi Ewropej: żgur li ferħu mexxejja bħal Le Pen (li ġa semmejna), Farage, La Lega Nord u forsi ċ-Cinque Stelle kif ukoll il-partiti tal-Awstrija u tal-Ġermanja li jriedu jżommu l-mewġa ta’ emigranti, li jħobbu jibnu ħitan flok iħottuhom.

Reliġjon

Mingħajr ma juri xi devozzjonijiet partikulari reliġjużi, Trump ma ddejjaqx iħaqqaqha mal-Papa Franġisku meta ħabbar il-ħajt tal-Messiku. Omm u missier Trump tellgħuh Presbiterjan mal-Knisja Kolleġġjali tal-Irħam (Marble Collegiate), li hi fost l-eqdem knejjes protestanti fl-Amerka ta’ Fuq. Iżżewweġ l-ewwel mara fiha fl-1977 u kien jattendi spiss l-aktar il-Ħadd. Dil-Knisja ma tantx teżiġi attendenza partikulari iżda r-reverendu Peale kien jippriedka biex tkun pożittiv, ottimist u tikkonċentra fuq kif tasal tilħaq l-għanijiet tiegħek fil-ħajja. Fis-snin ħamsin – meta Trump kien qed isir tfajjel imdaqqas –  il-ktieb ta’ Peale The Power of Positive Thinking dam 186 ġimgħa bħala bestseller fl-Istati Uniti.

X’presidenza se tkun ta’ Trump?

Kif se tkun il-presidenza Trump? Mill-ewwel diskors li għamel jidher li ma jridx ibeżża’. Wara li xela u hedded lil Clinton bil-ħabs, għajjarha bħala l-aktar korrotta u mhux adattata ghall-presidenza, fl-ewwel diskors tiegħu wara r-rebħa irringrazzjha tax-xogħol kbir li għamlet għall-pajjiż. Tgħid irid jgħaqqad lil kulħadd warajh biex imexxi aħjar? Għandu bżonn jirbaħ il-fiduċja ta’ nofs il-pajjiż li ma vvutalux. Tgħid se jkun ħafna aktar mans milli naħsbu? Kemm se jkun prużentuż, ġellied u aġent tal-bidla daqskemm ipproġetta ruħu biex tela’? Tgħid għad jiddiżappunta jew ikun fidil lejn x’jixtieq jagħmel il-partit tiegħu – li ma tantx għenu jitla’ – fis-senat, fil-kungress ? Il-futur biss għad jurina kemm huma prattiċi l-wegħdiet kollha li għamel fil-kampanja u kemm se jsib appoġġ mill-mexxejja politiċi fil-Punent. Interessanti naraw x’se jiġri sa ma jaslu l-elezzjonijiet eċċitanti fl-Ewropa wkoll.

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend