Wara tant xhur ta’ kandidati, propoganda, elezzjonijiet u battuti wasalna fil-milja tal-elezzjoni Presidenzjali Amerikana, elezzjoni kkulurita li żgur mhux forsi, minkejja l-kontroversji kollha li ġabet magħha, ser tkun waħda li tibqa’ tissemma’ fis-snin li ġejjin.
Fis-sigħat bikrin ta’ nhar l-Erbgħa filgħodu d-dinja ser tkun taf għal min ivvota l-poplu Amerikan sabiex imexxi lil pajjiżu għall-erba’ snin li ġejjin, u jekk hux ser ikun il-kandidat Repubblikan Donald Trump jew inkella l-kandidata mill-Partit Demokratiku Hillary Clinton, li jieħu jew tieħu t-tmun ta’ wieħed mill-iktar pajjiżi influenti fid-dinja.
Nhar it-Tlieta, 8 ta’ Novembru, mis-19:00 ‘il quddiem, il-Forum Żgħażagħ Laburista ser ikun qed jorganizza attività nformali ġewwa ċ-Ċentru Laburista tar-Rabat b’tema mill-iktar Amerikana.
God Bless the USA hija attività mtella’ mill-Forum Żgħażagħ Laburista b’kollaborazzjoni mal-fergħat distrettwali. Matul din l-attivita’ se tkun diskussa din il-mixja elettorali ta’ Donald Trump u Hillary Clinton.
Fil-panel se jipparteċipaw Mariette Borg, Aaron Farrugia, Malchom Seychell u l-President tal-FŻL Alex Saliba. L-attivita’ li hija bla ħlas se tiżvolġi f’waħda soċjali hekk kif tintemm id-diskussjoni. Se jintwera wkoll l-andament ta’ din l-attivita’ permezz ta’ programmi li networks internazzjonali se jkunu qed itellgħu.