2,415 LSA fl-iskejjel Maltin u Għawdxin | One News

Notifiki

2,415 LSA fl-iskejjel Maltin u Għawdxin

Fl-iskejjel Maltin u Għawdxin jaħdmu 2,415–il LSA, 1,622 minnhom fi skejjel Primarji, u 793 fi skejjel Sekondarji.

Għalkemm dan in-numru huwa wieħed sinifikanti, anki meta mqabbel mas-snin li għaddew, xorta teżisti lista ta’ stennija.

Fil-Parlament, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li hemm 421 tifel u tifla jistennew LSA. Madanakollu emfasizza li minn dan in-numru m’hemm l-ebda każ serju.

Xi ħaġa li kkonfermatha Darlene Borg, mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni Speċjali meta ħadet sehem fil-programm One News Breakfast.

“Nassigurak li fejn jidħlu kundizzjonijiet severa u diżabilitajiet fiżiċi m’għandniex waiting lists għax jingħataw priorità. Forsi li tinħoloq daqsxejn ta’ waiting list għax hemm studenti li jibbenefikaw minn riżorsi li hemm fl-iskejjel però xorta qed jersqu quddiem l-iStatementing Board.”

Meta tkelmet dwar l-irwol tal-LSAs fil-klassi, Borg emfasizzat il-ħidma konġunta bejn il-professjonisti.  Qalet ukoll li l-akbar biżà fost il-ġenituri hija li t-tfal ikunu maqtugħin mill-kumplament tal-klassi iżda hawnhekk assigurat li l-LSAs jaħdmu ħafna għall-inklużjoni.

“Anki waqt Parents’ Day tkun qiegħda mat-teacher preżenti. Għaliex? Għax at the end of the day l-LSA hija riżorsa fejn it-teacher tista’ tagħmel użu minnha wkoll, tissaportja studenti oħra fil-klassi.”

Irreferiet għal aktar minn darba għall-Individual Educational Program: programm li jiddiskuti strateġiji li fil-qofol tagħhom dejjem ikun hemm l-interess tal-istudenti.

Programm li fih ikun diskuss ukoll, kemm LSA iddum ma’ student partikolari.

“Fejn ikun hemm każijiet ta’ studenti vulnerabbli jistgħu jdumu sentejn però ovvjament nagħmlu case conference fejn niddiskutu jkun hemm l-education officers tal-inklużjoni, il-Head, is-Senior Management Team u l-prinċipal. Niddiskutu li jekk hu għall-ġid tal-istudent why not jekk ikun hemm progress?”

L-appell dejjem jibqa’ biex inrawmu studenti independenti, għaliex wara kollox iridu jkunu lesti biex jaffaċjaw il-ħajja t’hemm barra. Ħajja li tmur lil’hinn mill-bankijiet tal-iskola.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend