Ftehim storiku bejn l-UE u l-Kanada se jkun iffirmat għada | One News

Notifiki

Ftehim storiku bejn l-UE u l-Kanada se jkun iffirmat għada

L-Unjoni Ewropea u l-Kanada għada jiffirmaw il-ftehim ta’ bejniethom magħruf bħala Comprehensive Economic and Trade Agreement (CETA).

Dan wara li r-reġjun Belġjan Wallonia żamm milli dan il-ftehim iseħħ. Xi ħaġa li setgħet isseħħ hekk kif il-ftehim ta’ negozju mal-Kanada kien jeħtieġ li l-istati kollha tal-Unjoni Ewropea jaqblu miegħu.

Nuqqas ta’ ftehim li kien wera d-diżuappunt għalih anke l-Prim Ministru Joseph Muscat.

Fi tweets, il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk, u l-Prim Ministru Kanadiż Justin Trudeau wrew l-ottimiżmu tagħhom li fl-aħħar se jitlaqqa’ Summit li fih mistenni jkun iffirmat dan il-ftehim.

In-negozjati għal dan il-ftehim ilhom għaddejjin madwar seba’ snin – u raw il-bidu tat-tmiem tagħhom nhar il-Ħamis, meta l-Prim Ministru Belġjan ħabbar li wara maratona ta’ diskussjonijiet, intlaħaq qbil permezz ta’ żieda żgħira fil-ftehim biex tindirizza t-tħassib tar-reġjun Belġjan.

Minn naħa tiegħu Robert Fico – il-Prim Ministru tal-Islovakia li bħalissa għandha l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea – sostna li dan il-ftehim huwa punt ewlieni fil-politika tan-negozju Ewropew.

Permezz ta’ dan il-ftehim mistenni li jkunu eliminati madwar tmienja u disghin fil-mija tat-tariffi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada. Tariffi u dazju li jammontaw għal madwar ħames mitt miljun ewro fis-sena.

B’hekk, bit-tneħħija ta’ dan ix-xkiel, jikber ferm iżjed in-negozju transatlantiku.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend