"Irkibt fuq rollercoaster twila u eċitanti għall-aħħar" – SORU TA' 22 SENA | One News

Notifiki

“Irkibt fuq rollercoaster twila u eċitanti għall-aħħar” – SORU TA’ 22 SENA

Meta nirreferu għal xi soru tal-Orsolini, ħafna drabi ħsibijietna jmorru għal dawk li jieħdu ħsieb lit-tfal, iżda Roseanne Pace, soru ta’ 22 sena, tgħid li ħajjet Orsolina tmur lil’hinn mit-tfal.

“L-ewwelnett, aħna persuni kkonsagrati lil Alla. Allura l-ewwel u qabel kollox hemm it-talb personali, it-talb fil-komunità, il-quddies ta’ kuljum, u l-ħajja komunitarja. Frott l-għaqda ta’ bejnietna, matul il-ġurnata naħdmu flimkien f’oqsma differenti u nitolbu f’bosta mumenti. Imbagħad nagħtu s-servizz tagħna billi nieħdu ħsieb lil dawn it-tfal fdati lilna.”

Sr. Roseanne gradwat is-sena l-oħra bħala infermiera, għaldaqstant qed tisfrutta dak li tgħallmet ma’ dawk ta’ madwarha.

“Il-priorità tiegħi hija s-sorijiet anzjani li taw ħajjithom għas-servizz t’Alla u li issa ma jifilħux jaħdmu aktar b’mod fiżiku, iżda qed naħdem ukoll mas-sorijiet iż-żgħar biex ikunu jafu metodi ta’ kif l-aħjar jipprevjenu ċertu kundizzjonijiet u jgħixu bl-aħjar mod possibbli.”

soru-3Qabel ma daħlet għal din il-ħajja, Roseanne kienet tgħix għas-safar. Tistqarr li kienet tħobb ħafna tmur f’parks fejn ikun hemm il-famużi rollercoasters.

“Ikolli ngħid li meta tajt l-iva tiegħi lill-Mulej, irkibt fuq rollercoaster twila u eċitanti għall-aħħar, li se nibqa’ nivjaġġa fuqha sal-mument li ruħi tirritorna lura għand Alla.”

Id-dinja qed tinbidel, u llum –il ġurnata ftit għadek issib sorijiet daqstant żgħar fl-età, iżda din hija biss perċezzjoni?

“Din hija realtà iżda ċerta li Alla kien isejjaħ, u għadu. Anki jien bosta drabi meta nara xi omm b’tarbija fi ħdanha nixxennaq li nkun flokha. Meta nara lil sħabi tampari mexjin fl-istudju nixxennaq li nkompli nitgħallem iktar. Meta nisma b’nies isiefru ’l hemm u ’l hawn, nixxennaq li għadni nista’ nagħmel dan. Imma filwaqt li dawn kollha huma affarijiet sbieħ, ħdejn Alla, l-imħabba u l-ħniena tiegħU, ma joqgħod xejn.”

Roseanne għandha dan l-appell x’tgħaddi lil dawk it-tfajliet li qed jaspiraw għal din il-ħajja.

“Il-kritika ħa ssibha tkun fejn tkun. Tista’ tkun mara miżżewġa taħdem barra mid-dar jew fid-dar; u tista’ tkun mara tgħix weħidha. Il-kritika ħa ssibha kullimkien u ma tista taħrabha qatt. Dan għaliex aħna bnedmin diversi, u d-diversità sabiħa, imma d-diversità tista’ twassal ukoll li minflok naraw is-sabiħ tagħha, tqanqal fina l-għira u nikkritikaw biex inkissru. Jekk Alla jsejjaħlek, pprova aħrablu, pprova… mhux ħa jirnexxielek. Għax anke jekk tħoss is-sejħa u tagħżel li tinjoraha u tagħmel fattik, il-vojt li jaħkmek jista’ jimtela biss meta tkun qiegħda taqdi ’l Alla fejn jeħtieġek l-iżjed. Għalhekk ngħidilkom tibżgħux, għal tlett mija ħamsa u sittin darba nsibu ripetut fil-Bibbja ‘La tibżax’. Il-Mulej magħna u jekk aħna nitolbuH, Hu lest li jagħtina dak kollu li għandna bżonn, fosthom il-qawwa u l-għerf biex nagħżlu l-aħjar sehem għal ħajjitna.”

soru-2

soru-4

soru-5

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend