Il-Ħalowijn ta’ Sajmin – One News

Notifiki

Il-Ħalowijn ta’ Sajmin

Ma kellix aptit. Kelli aptit ġurnata fil-kwiet, wara ġimgħa iesba. Imma kif jgħid il-Malti, l-bniedem jipproponi u Alla jiddisponi. Ta’ lanqas hekk kont nismagħha tgħid lil nannti Alla jaħfirla u jagħtiha l-glorja tal-ġenna. U Alla jħares mhux qegħdha l-ġenna, tgawdi l-eternità, bil-flus li ħalliet biex isiru quddies għal ruħha. Kos hux? Nitħassar lil dawk li ma jħallux flus għat-talb ta’ ruħhom, għax imsieken kollha jinħarqu qegħdin.

Qomt mgħattan. Mhux wara lejl Paċevil ta! Dak ilu żmien li nqata’ mill-kalendarju tiegħi issa. Kelli ġimgħa bla nifs, mis-Sibt filgħodu bdejt inħoss qisu tagħrix, lanqas ħaqq il-larinġ li nagħsar u nixrob kuljum u moħħi kien mifqugħ bi ftit ħsibijiet u deċiżjonijiet li rrid nieħu ma ndumx. Hemm int, mgħattan.

Imma. Ċertu affarijiet iridu jsiru xorta. Wara kwarta niddeċiedi u nikkombatti ma’ dak il-mingħul ta’ alarm tal-mowbajl, qomt. Xower u té. U bdjet bil-logħba ta’ kull nhar ta’ ħadd. Niftaħ il-bieb, nimxi inkiss inkiss l-erba’ passi sal-grada. Nieqaf. Nieħu nifs. Nagħlaq għajnejja għal ftit biex nitlob lill-Mulej jibgħata tajba. Nittawwal lejn il-lemin umbgħad lejn ix-xellug u “AAaaaaaaaaaaaa!” Kont diġa ħriġt idejja t-tnejn biex nipproteġi ruħi. U kienet biss b’ċikka li ndunajt min kien hemm lejn l-ożbrreċ xellug.

“Il-aħba x’qata tajtni Ċens, Marija Santa Ħniena!”

Li kieku ma kienetx Ċensina ta’ faċċata tiegħi żewġ bibien ‘l isfel, kieku bħalissa kont diġa ċempilt l-ambulanza. Għax idejja żammejthom kif jgħidu l-Ingliżi, in the nick of time, bil-Malti in di nikk ov tajm.

Ċensina kienet hemm tħares lejja bi tbissima fuq fomma. M’għamlitiex apposta, sirt naf.

“Ara Ajtjen marelli. Kont ġejja nċempillek il-qampiena, għax xtaqt nurik kif jien ppreparata u qbattni eżatt dieħla nċempillek il-qampiena”.

“Għal x’hiex?”

“Int ejja ħa nurik”.

“Ċens”, weġibtha jien, bla ebda ħabi ta’ nuqqas ta’ interess u aptit, “Emminni li sejjer nixtri l-gażżetti u nerġa lura fis-sodda naħseb, għax mhux qed inħossni f’sikti”.

Ċensina semgħetni, imma ma naħsibx li rreġistrat dak li għidt jien b’tant passjoni u emozzjoni, tant li naħseb kont nikkwalifika għall-Accademy Awards tal-2017.

“U mela”, kompliet Ċensina, hekk kif qabditli idi mill-polz qisni tfajjel żgħir, “Ejja ħa tara”. Ħassejt difirha tal-kbir jidħol fil-vina. Awtomatikament ħarist lejn il-polz u hemm nara l-erbat iswaba’ l-oħra ssikati b’difrejha miżbugħa suwed b’qara’ ħamra oranġjo tħares lejja. Żgur lejja kienu qed iħarsu, jitmellħu bijja wkoll ja qatta’… u naħlef li rajt farfett il-lejl imqabbeż ma’ difer minnhom.

M’hemmx x’tagħmel. Ejja ħa neħles minn din, ħalli nitla’ nġib il-gażżetti u nerġa nidħol fis-sodda. Ħsibt bejni u bejn ruħhi.

X’il-qaddisa..! F’qalbi għiddtha din ovvjament. Hekk kif wasalt żewġ bibien ‘l isfel minn tiegħi u rfist l-għatba, rajt żewġ għanqbutiet min naħa sal-oħra tal-bibienn tal-antiporta. U ejja! Ċensina! Qas stajt nemmen lill-għajnejja! Ċensina mara nadifa tazza, x’ġaralha!

Kif irfist ‘l ġewwa mill-antiporta, dalma maqtugħa minn tlett jew erba qargħa ħomor bi ħluq u par għajnejn kull waħda mixgħulin mix-xemgħa. Fil-ftit dawl li bdew jitfgħu, stajt nara b’diffikultà kbira, żewġt isħaħar imdendlin ma’ żewġ gastri fuq kull naħa tal-fetħa tal-kuridur.

“Ċe… Ċe… Ċens”, bdejt intemtem aktar milli temtem Sajmin u sħabu meta semgħu l-baġit, “Ċens… Ċenisna, mela bdejt temmen fil-Halowijn? Dik tal-Amerikani ta…”.

“U iva għal darba, issa tal-Amerikani, ta’ Tramp u ta’ Clintin x’al għajni!”, qaltli Ċensina, li kienet għadha b’difrejha mwaħħla mal-polz. “Ġiet okkażjoni tajba u taf kif jien, ħadtha!”

Okkażjoni tajba? Issa jew mill-ewwel ‘l hawn komplejt nitgħattan u telgħet ħajta d-deni, jew ma nafx. Imma kont qed inħossni naħraq ftit. Bil-fawra tiela’ ma’ dahri.

Ċensina ġebdtni ‘l quddiem. “U neħħi dahrek minn mal-masterpijs għax tqabbadli d-dar u tfottili għada”. Masterpijs? Għada?

Dort bil-mod u għat-tieni darba f’inqas minn kwarta… “AAAAAaaaaaaaaaaaaaaaaa” għajjat mingħajr ma stajt inżomma. Hemm wara dahri kien hemm imdendla mal-ġardiniera, tpinġija qisha tat-tfal tal-Kinder Wan ta’ vampir. Imqasqas bl-addoċċ, b’żewġ qara ħomor taħtu jistriehu fuq l-ixkafef żgħar tal-għamara. Fuq waħda kien hemm imwaħħal wiċċ Fenech, maqtugħ minn xi ġurnal – dik li f’temp ta’ ftit sigħat dawwret żugraga dak li qalet fuq it-tanker tal-gass. U fuq l-oħra ritratt ta’ Muscat maqtugħ mit-tajms – dik li minn mal-ġurnal indipendenti marret tmexxi kampanja xejn indipendenti tal-Pee Enn.

Mingħajr ma ridt, bil-mod erfajt ħarsti ‘l fuq, donnu kien hemm xi ħaġa misterjuża tiġbidni. U għat-tielet darba f’għoxrin minuta erġajt b’għajta, “AAAAAAAAAaaaaaaaaa”. Wiċċ il-vampir kien ritratt ta’ Sajmin imqasqas ukoll minn xi ġurnal, issa jekk hux indipendenti jew le, ma nafx. Għax qed nitfixkel issa!

“Isma, jaqaw int ġej bl-għajjat dalgħodu jew?”, qalti Ċensina hekk kif neħħiet is-swidija u l-qargħa minn m’idi. Hekk kif bdejt ngħorok il-polz, ħarist sew madwari, hekk kif bdew joqgħodu għajnejja. Is-salott ta’ Ċensina mdawwar f’Ħalowijn!

“Ċens, ma nistax nifhem ta…”

“Iiiii ruħi bħall-Sajmin u sħabu mela, dawk għadhom ma fehmu xejn mill-baġit ta’ Joseph tagħna!”

“Ma nistax nifhem”, komplejt jien, “Kif int kontra dawn il-ħafna kummiedji li qed jidħlu f’pajjiżna, bejbi xowers u prom najts u x’naf jien, għax tgħid li qed itellfuna mill-identità Maltija, u żejjint is-salott għall-Halowijn!?”

“U x’għall-Ħalowijn, ħalowijn int!”, qaltli Ċensina hekk kif daret lejja u poġġiet idejha fuq ġenbejha, qisha lesta għall-ġlied. Tinża l-imsielet kien joqsha! “Dak ħadt l-okkażjoni tal-Ħalowijn, imma dak għal għada, biex nidħol fl-atmosfera, ħi”.

“Għal x’hiex?”

“Ara vera ma tiflaħx int ta!”, qaltli hekk kif xenglet rasha ‘l hemm u ‘l hawn. “Għad-diskors tal-baġit ta’ Sajmin Ajtejn ħi. X’taħseb li se jghid Sajmin? Baġit tad-dlamijiet, bla viżjoni, baġit tat-twerwir, u għalhekk żejjint għall-okkażjoni ruħhi”.

Ċensina rwiet għonqha lura u faqqgħet daħka jkolli ngħid kemxejn makabra biex taqbel mad-dekor tas-salott. Niddubitha kemm Francis Ford Coppola kien irnexxielu jidderieġi lil Gary Oldman biex jidħak daħka makabra bħal dik f’Bram Stoker’s Dracula.

Għax trid tkun ċampjin tal-makabrità, qrusa u bitterness biex tgħid li dan il-baġit huwa bla viżjoni. Biex ma tarax li huwa baġit li juri li Malta qed tinbidel. Trid tkun qargħa ħamra biex ma tifhimx li dan huwa baġit li jkompli jibni fuq dawk ta’ qablu. Trid tkun verament imbeċilli biex ma tagħrafx li dan il-baġit għandu ruħ soċjali.

“Int għadek magħna jew?” Kienet Ċensina, tferfer idha l-leminijja quddiem għajnejja. Vera mhux f’siktek ta! Ajtjen ħi. Naħseb aħjar tmur tixtri l-gazzetti u terġa tidħol fis-sodda. U nagħtik parir li jekk vera trid tistrieħ sew, il-ġażżetti suppost independenti u n-Nazzjon ta’ Micallef bil-‘k’, li miskin ma jistax ikompli jinvestiga storja ħabba Kastilja, aqrahom wara li tistrieħ ta!”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend