Prova li hija PRETI | One News

Notifiki

Prova li hija PRETI

Riċerka estensiva li saret fuq pittura li bħalissa tinsab fil-Mużew tal-Arkeoloġija, turi li din hija xogħol oriġinali tal-pittur Taljan Mattia Preti. Dan intqal minn uffiċċjali ta’ Heritage Malta, fosthom il-kuratur ta’ MUŻA, Sandro Debono, f’ diskussjoni mal-midja lokali biex l-entita kulturali tiċċara l-pożizzjoni tagħha.


Sa mill-akkwist tagħha f’Mejju Heritage Malta għamlitha ċara li l-kwadru li hawn f’Malta huwa framment ta’ pittura ikbar li juri lill-Grieg Apelles ipitter lil Campaspe, liema żewġ frammetti oħra jinsabu f’kollezzjoni privata, u f’Ariċċa fl-Italja, rispettivament.

Iżda ġimgħat ilu il-kritiku tal-arti Taljan Vittorio Sgarbi qal li t-tila oriġinali mhix dik esibita bejn Malta u Ariċċa iżda qegħda f’esibizzjoni fi Spanja, u l-bqija tal-frammenti huma repliċi. Saħansitra qal li l-framment mixtri għal Malta hu ta’ Gregorio, ħu Mattia Preti.

Madanakollu il-professur Amerikan John Spike, li jinsab f’kuntatt kontinwu ma’ Heritage Malta, qal li kemm-il darba ra u analizza ż-żewġ frammenti oħra li huwa ddikkjara li huma Preti ġenwinament. Żied jgħid li il-framment li hemm fil-Mużew tal-Arkeoloġija jaqbel perfettament mal-qisien tal-frammenti l-oħra, u li mal-ewwel ċans li jkollu xorta se jżur pajjiżna biex ikompli jirriċerka l-pittura.

Għaldaqstant Heritage Malta għamlitha ċara li studju li għamlet hi stess u anke studjużi fi Franza u Ariċċa jibqgħu jikkonfermaw li filfatt Preti għamel diversi verżjonijiet ta’ din l-istess pittura, kif kien komuni f’dak iż-żmien. U li verżjoni xorta tgħodd bħala xogħol oriġinali.

Qalu ukoll li wieħed jifhem li Preti kellu l-assistenti tiegħu waqt li kien qed ipitter u għalhekk il-frammet jissejjaħ ‘Awtore-Bottega’. Il-Kuratur Sandro Debono spjega kif l-entita Franċiża li minnha nxtara il-framment għandha reputazzjoni fir-riskju jekk tefgħet oġġet mhux ġenwin għal bejgħ. Dan filwaqt li r-riċerka li saret sa issa minn konservaturi Maltin, fosthom Anthony Spangol, kompliet tivverifika li din hija filfatt Preti.

“Dan huwa dibattitu Akkademiku fejn xejn ma jista jkun eskluż. Wieħed irid jikkunsidra kollox diment li hemm riċerka tanġibbli li tappoġġja l-argument ta’ dak li jkun”, qal Debono.

“Ma neskludux lanqas li fil-futur toħroġ riċerka tanġibbli ġdida li turi li l-pittura filfatt mhix Preti. Huwa proċess normali f’dibattitu akkademiku bħal dan fejn wieħed dejjem jimxi skont ir-ri ċerka. Imma nibqgħu insostnu li sa issa ir-riċerka kollha li kellna qabel u li saret anke issa turi li l-Apelles huwa frott l-id ta’ Preto”, temm jgħid il-kuratur Debono

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend