Leave sportiv għas-settur privat – One News

Notifiki

Leave sportiv għas-settur privat

SportMalta ħabbret li se tintroduċi skemi ġodda, filwaqt li tkompli ssaħħaħ l-iskemi li diġà huma eżistenti. Informazzjoni dwar dawn l-iskemi ngħatat waqt konferenza tal-aħbarijiet fi Global College Malta, SmartCity.


Skema ġdida li tħabbret hi dik tal-leave sportiv għas-settur privat, b’dawk li jaħdmu mal-privat jingħataw l-opportunità li jgawdu minn leave speċjali biex ikunu jistgħu jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet internazzjonali. Dan il-bżonn inħass wara s-suċċess li kisbet din l-iskema fost il-ħaddiema tal-gvern.

Intant, l-iskemi offruti reġgħu ġġeddu hekk kif l-entità tinsab f’qagħda finanzjarja soda, frott tax-xogħol u d-dedikazzjoni tat-tmexxija, u l-ħaddiema kollha ta’ din l-entità. Dan ir-riżultat wassal biex il-Ministeru tal-Finanzi wera fiduċja akbar u b’hekk kiber il-budget fil-qasam sportiv li qed jiġi amministrat b’mod professjonali u bl-aktar mod trasparenti u ġust.

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius spjega li t-twessigħ tal-iskema tal-leave għas-settur privat kien riżultat tal-attività bi-annwali, Gvern li Jisma’. Din hija xhieda oħra li turi li dan il-gvern verament qiegħed jisma’ u jagħti każ xi jrid il-poplu.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar qal li b’dawn l-iskemi, SportMalta qed tinvesti ‘l fuq minn żewġ miljun ewro fl-entitajiet sportivi, u jinsab ċert li skemi bħal dawn qed jikkontribwixxu biex jitkattar l-isport professjonali. Madanakollu, saħaq li jixtieq li, permezz ta’ dawn l-iskemi, l-għaqdiet iressqu l-isport tagħhom lejn settur akbar ta’ nies, biex b’hekk ikollhom l-opportunità li jkunu iżjed attivi.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend