“L-immigranti għandhom jitħallew f’pajjiżna temporanjament” – One News

Notifiki

“L-immigranti għandhom jitħallew f’pajjiżna temporanjament”

Wara l-istedina li għamel Bader Zeina f’isem il-kommunitá Musulmana f’pajjiżna lill-Moviment Patrijotti għal ikla fil-post għat-talb ‘b’mod temporanju’ ġol-Furjana, il-Patrijotti Maltin li f’diversi okkażjonijiet tkellmu kontra l-ħtieġa ta’ post ta’ talb ieħor għall-Musulmani, ħarġu stqarrija dwar xi frott jista’ joħroġ minn din l-ikla.

Il-patrijotti stqarru li minkejja li jqisu dan il-ġest bħala pass pożittiv min-naħa tagħhom, jemmnu li qabel kull tip ta’ diskussjoni mal-kommunita Musulmana f’pajjiżna għandu jiġi mwaqqaf kull użu llegali ta’ postijiet tat-talb li fi kliemhom qed isir bi sfida għar-regoli u liġijiet tal-pajjiż.

Huma qalu li Bader Zeina u l-Malta Muslim Council m’humiex rappreżentanti tal-Musulmani kollha f’pajjiżna u li għalhekk għandu jiġu nvolut ukoll l-Imam Mohammed El Sadi.

Il-patrijotti jemmnu li qabel kull pass ‘il quddiem, iridu jiġu solvuti problemi interni li jeżistu fil-komunitá Musulmana, dan b’referenza għad-dikjarazzjoni li għamel l-Imam li m’huwiex infurmat bl-ebda żvilupp jew talba ta’ postijiet tat-talb oħra.

Is-segretarju tal-Moviment Patrijotti Maltin, fl-istqarrija qal li flok ikla għandha ssir laqgħa formali li ġġib flimkien ukoll il-partiti politiċi u l-awtoritajiet.

Il-Moviment Patrijotti Maltin jemmen li ż-żieda fit-talbiet ta’ postijiet ta’ talb għall-Musulmani, hija indikazzjoni taż-żieda esaġerata ta’ dħul ta’ barranin f’pajjiżna. Il-Patrijotti qalu li dawn il-barranin għandhom jitħallew f’pajjiżna b’mod temporanju u mhux permanenti.

“Dawn it-talbiet ma huma xejn aktar minn prova li din mhux problema ta’ postijiet ta’ talb iżda waħda ta’ dħul ta’ kulturi barranin fostna bla rażan mingħajr ma jiġi meqjus l-impatt fuq il-futur ta’ pajjiżna u ta’ uliedna” stqarru l-Patrijotti.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend