Irreġistrat surplus fit-tieni kwart tas-sena – One News

Notifiki

Irreġistrat surplus fit-tieni kwart tas-sena

Għall-ewwel darba, wara sittax-il sena, il-qasam tal-finanzi pubbliċi Malta rreġistrat surplus fit-tieni kwart ta’ din is-sena. Fi kliem iktar sempliċi l-gvern daħħal ta’ ħdax-il miljun ewro iktar milli nefaq.

Fl-istess perjodu s-sena li għaddiet kien irreġistrat deficit ta’ tmienja u tletin miljun ewro fl-istess żmien is-sena li għaddiet. Deficit li fl-aħħar t’amministrazzjoni preċedenti kien ta’ tmienja u tmenin miljun ewro.

Skont il-kejl tal-finanzi pubbliċi tal-Eurostat it-tnaqqis fid-deficit seħħ għaliex l-ispiża tal-Gvern naqset bi tlieta punt tnejn fil-mija meta mqabbel mas-sena li għaddiet, filwaqt li d-dħul tal-Gvern għola bi tnejn punt tnejn fil-mija.

TNAQQIS FID-DEFIĊIT:
FIT-TIENI KWART TAS-SENA

-SPIŻA TAL-GVERN -3.2%
-DĦUL TAL-GVERN +2.2%

Dan ir-riżultat inkiseb minkejja t-tnaqqis fl-income tax. Fejn xorta waħda fit-tieni kwart tal-elfejn u sittax, il-Gvern kellu dħul ta’ tlett mija tnejn u tmenin miljun ewro minn taxxi fuq id-dħul. Li jfisser mija u erbgħin miljun ewro iktar mill-istess żmien fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti.

It-tisħiħ li qed iseħħ fil-finanzi tal-Gvern qed iwassal biex il-piż tad-dejn nazzjonali jaqbad it-triq tan-niżla. Ħaġa li qed tkun innutata mill-aġenziji internazzjonali għall-kreditu tant li qed ibassru li sa tmien din il-leġislatura dan il-Gvern ser ikun ġab fix-xejn iż-żieda fil-piż tad-dejn li wettqu tlett aminnistrazzjonijiet Nazzjonalisti.

Fi stqarrija l-Gvern innota b’sodisfazzjoni dan ir-riżultat li ddeskrivih bħala ċertifikat tal-andament ekonomiku qawwi li kellu pajjiżna mal-bidla tal-amministrazzjoni.

Qal li r-riżultati fiskali jseddqu d-determinazzjoni ta’ dan il-Gvern li ma jħaddanx politika ta’ awsterita’ u li jkompli jaħdem favur klima ta’ nvestiment pubbliku u ottimiżmu fost il-familji u n-negozji.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend