Il-Berġa tal-Italja se tinbidel f’attrazzjoni għal kulħadd – One News

Notifiki

Il-Berġa tal-Italja se tinbidel f’attrazzjoni għal kulħadd

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza UE 2017 u għall-Fondi Ewropej Ian Borg żaru l-Berġa tal-Italja li fiha se jkun hemm il-Mużew tal-Arti Muża.

Minn naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Dr Ian Borg qal li dan il-proġett hu parti mill-għaxar proġetti kulturali eliġibbli għall-finanzjament tal-UE li ġew imħabbra fil-bidu ta’ dan ix-xahar. L-ispiża totali ta’ dan il-proġett hija ta’ €5 miljun minn Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali.

Dr. Borg faħħar lill-benefiċjarji tal-proġett għal din l-inizjattiva biex b’hekk din il-binja storika tista’ tiġi konservata u restawrata bħala attrazzjoni għal kulħadd, kemm għall-artisti u kif ukoll għall-istudenti tal-iskejjel. Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg tenna kif b’deċiżjoni meħuda minn din l-amministrazzjoni, il-politiku litteralment ħareg minn din il-berġa meraviljuża biex terġa’ tingħata lura lejn il-pubbliku u lil dawk kollha li jħobbu l-arti u l-wirt storiku Malti.

Il-Ministru Bonnici tenna li dawn il-fondi Ewropej se jservu biex ikollna mużew tal-Arti aktar modern li joffri faċiliatjiet interattivi. B’hekk iwassal l-arti lill-pubbliku b’mod aktar interessanti u jżid ukoll il-parteċipazzjoni tal-komunità.

Huwa saħaq li dan kollu jgħin biex inżidu l-għarfien artistiku. B’hekk inkomplu nżidu mal-ħidma tal-Gvern, dik li nsostnu l-kultura ta’ pajjiżna.

Il-post għal dan il-mużew intagħżel bi ħsieb, spjega l-Ministru Bonnici hekk kif fil-Berġa tal-Italja kien hawn il-Mużew tal-Belt Valletta fl-1920 u sa qabel it-Tieni Gwerra Dinjija kien iżomm fih il-kollezzjonijiet nazzjonali nkluż is-sezzjoni tal-Arti fina.

Il-Ministru Bonnici temm jgħid li dan huwa proġett importanti bħala parti mill-preparamenti għall-Valletta 2018 li se jħalli ġawra sabiex titgawda mill-poplu Malti u Għawdxi kollu anke wara li tgħaddi din is-sena tant importanti għall-pajjiżna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend