Bla memorja mhemmx identità, u bla identità mhemmx nazzjon – One News

Notifiki

Bla memorja mhemmx identità, u bla identità mhemmx nazzjon

 Interessanti ferm din il-frażi li tiftaħ l-għajnejn ta’ dawk li jaħsbu li llum ma fadalx żmien biex toqgħod tiftakar fl-imgħoddi, iżżomm il-memorja ħajja tal-passat u tibni identità nazzjonali. Din stqarrha fi ktieb dwar it-tiswir ta’ nazzjon Anthony D. Smith, soċjologu storiku Ingliż li għad kemm miet f’Lulju li għadda.

Hawn min jagħti importanza kbira – kif għandu jkun – lill-ekonomija, kemm fil-finanzi tal-familja, tan-nazzjon u anki in ġenerali tad-dinja. Hawn min ma tantx iħabbel rasu mit-tradizzjonijiet, id-drawwiet, it-tifkiriet li għamluna nazzjon, mill-imgħoddi. Ġrajjet Malta jaraha l-iżjed fir-rebħ storiku ta’ dawk li kienu jikkmandaw f’dal-gżejjer. Hawn min jemmen li mhemmx raġuni għala għandek tistudja l-imgħoddi kif jidher minn dak li nagħmlu llum: kif ngħallmu l-istorja, kif nitkellmu dwarha, kif naħsbuha dwarha u kif nuruha fil-monumenti u fis-simboli li jdawwruna. Hawn min jaħlef bil-fdal barrani biss u lest ikattarhom għax bilkemm ma jitnaffarx jekk tfakkru li l-eroj tagħna anqas nafu sew min huma.

Min jagħraf li tilef, demokratiku

Fl-aħħar dibattitu presidenzjali Trump stqarr li għad ma jafx jaċċettax ir-riżultat tal-elezzjoni Amerikana tat-8 ta’ Novembru fl-Istati Uniti; kien hemm min ħassu xxukkjat u bir-raġun għaliex ħafna jħarsu lejn l-Amerka bħala l-esponent ewlieni tad-demokrazija u għalhekk it-tellief għandu jagħraf li d-demokrazija ħadmet u min rebaħ issa għandu jaħdem f’isem in-nazzjon. Ħassewhom ixxukkjati għaliex fuq il-mitejn sena mill-indipendenza Amerikana din se tkun l-ewwel elezzjoni fejn kandidat se jħalli l-poplu mdendel b’suspett li jista’ ma jaċċettax ir-riżultat. Gore fis-sena 2000 kien fittex mezzi legali biex jara għala ftit voti ma kienux marru għandu, imma wara ftit ġimgħat aċċetta t-telfa.

L-imgħoddi ma tħassrux malajr. Din is-sena l-Ingliżi ċċelebraw ir-rebħa li n-Normanni wara l-mexxej min-Nordmandija (illum parti minn Franza), Guliermu r-Rebbieħ fl-1066 kien għamel fuq is-sultan Ingliż Harold biex inbdiet il-linja irjali li għadha għaddejja sal-lum fir-Renju Unit. Għamlu re-enactment kbir Hastings fejn saret il-Battalja biex ifakkru d-950 sena mindu dal-gżejjer bdew jissejjħu  Brittaniċi (Bretagne reġjun ieħor fit-tramuntana ta’ Franza). Aħna fi zmien ħabta ta’ 30 sena minn issa suppost niċċelebraw il-wasla tan-Normanni wkoll biex ma ngħidx li qabel irridu niċċelebraw il-wasla tagħna bħala Għarab u Lhud minn Sqallija qabel din. Jien ċert li sissa ħadd qatt qabel ma ċċelebraha suret in-nies u sal-lum niddibuta kemm hawn iħabblu rashom x’jista’ jsir fil-ġejjieni mhux biss għax għad fadal ftit żmien mhux ħażin iżda wkoll għax fi żmien 30 sena l-pajjiż kapaċi jkun mehdi bi ħwejjeġ oħra.

Malta u Brexit

Bħalissa Malta għaddejja minn żmien ‘glorjuż’ f’sens ta’ ekonomija u progress paċifiku. Probabbli l-aktar membru tal-Unjoni Ewropea li m’aħniex imdejjqin li ninsabu fiha. Titkellem ma’ bosta membri oħra jgergru fuq il-qagħad, fuq l-emigranti, fuq l-ekonomija fuq l-għażla fqira ta’ kandidati suret in-nies li jridu jmexxu l-pajjiż. Hawn min ma jniżżilhiex sal-lum li Brussel mimli mexxejja mhux dejjem eletti bl-aqwa mod demokratiku iżda jitħallsu l-belli liri biex joħorġu bosta liġijiet li mhux dejjem jgħinu jew jagħmlu sens għall-membri. Bħalissa – u Malta se nkunu fil-qofol tagħha – Brussel għaddej mit-terrimot tal-Brexit fejn l-Ingilterra tixtieq tfendi għal rasha għax qed taħseb li għad għandha dik is-saħħa mondjali li kellha fi żmenijiet tal-Imperu meta n-Navy Ingliża kienet tikkummerċja ma’ kull rokna tal-globu. Jalla jirnexxilha iżda d-dinja inbidlet u l-Imperu baqa’ biss memorja qarsa għal ħafna nazzjonijiet oħra. Għad kemm ġejt lura mill-Polonja fejn tkellimt fuq il-memorja u tbissimt meta professur Ingliż waqt li kien qed jindirizza l-miġemgħa li konna hemm apoloġizza għall-Imperu Ingliż. Kulħadd tbissem għax naħseb kien mument rari ferm.

Tgħix flok l-għadu

La semmejt il-Polonja ta’ min jgħid kelma fuq Wroclaw (tinqara: Rostlav). Dis-sena qed jiċċelebraw is-sena tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura. Wara l-gwerra din kienet Breslau, belt Ġermaniża li flimkien ma’ oħrajn ġirien tagħha Stalin iddeċieda li jaqlagħhom minn darhom u jibagħthom idabbru rashom fil-Ġermanja tal-Lvant, li kienu għaddew ukoll taħt ir-Russi wara l-gwerra. Kellu pjan. Ried li Breslau issir parti mill-Polonja u fiha poġġa lill-Pollakki li kienu fit-Tramuntanta tal-pajjiz, fejn imbagħad daħħalhom bħala partijiet mill-Ukrajna u Belarus. Ċaqlaq il-mapep u l-konfini tal-pajjiżi li kienu taħt ir-Russja. Dawn in-nies għexu trawma. Jien tkellimt ħafna ma’ ta’ Rostlav u Lenizza u kollha qaluli kif meta ġew spustati missierijithom u nanniethom ħassewhom marru jgħixu fid-djar tal-għadu. Tant li bosta waqqgħu djar sbieħ jgħoddu l-mijiet tas-snin mibnija mill-Ġermaniżi biex ma jmorrux dawn tal-aħħar jiġu lura u jitolbu djarhom bi dritt. Immaġina x’identità jkollok jekk per eżempju wara xi gwerra jgħidulna mmorru ngħixu f’belt oħra tal-għadu tagħna, jien naf fit-Turkija wara l-Assedju. Illum qed jagħmlu ħilithom isalvaw li kien hemm sabiħ. Ħadna gost naraw ir-Rettur tal-Università ta’ Wroclaw idoqq l-orgni f’sala barrokka ristawrata kollha pittura li kienu bnew il-Ġizwiti u li issa saret is-sala tal-mużika. Dar-rettur anzjan hu fiżiċist iżda l-mużika fuq l-orgni u l-pjanu (daqq ta’ Bach u Schubert) iġġennu.

Vot għat-tfal?

Lil uliedna qed nitħajjru ntuhom il-vot mas-sittax. Id-demokrazija tixtered aktar ma jkollha bażi wiesgħa għalkemm aktar għandi suspett li dal-vot se ntuhulhom għaliex l-elezzjoni li ġejja aktarx tkun aktar akkanita milli pushover kif kienet l-aħħar waħda. Mela jien bħala demokratiku liberali nħoss li ħaġa tajba l-vot mas-sittax. Iżda ma nistax nifhem kif qed inħajjru żgħażagħ ta’ 16-il sena jidħlu fil-politka kmieni daqshekk meta fl-iskejjel sekondarji min ma jagħżilx l-istorja (maġġoranza kbira) bilkemm ikollu lezzjoni ta’ siegħa kull ħmistax! Kif is-sagrabew tridu jifhem x’inhi l-memorja u l-istorja tagħna u jasal jgħaddi għal deċiżjoni adulta li jaf għalxiex isservi l-politka, per eżempju? Qisek qed tpoġġi l-karrettun qabel il-ħmara. Kont aktar ngħid għandna l-ewwel insaħħu t-tagħlim li jwassal għal ċerta maturità politika qabel ma nitolbu tfal tal-iskola jivvutaw. Il-maturità politka diffiċli għal ħafna nies aħseb u ara jekk anqas tkun taf sew x’identità għandek u kif waslet għandek bil-memorja tas-sekli li għaddew. Tinkwieta għax biex tivvota ta’ 16 – aktar u aktar jekk tiddeċiedi li tikkontesta wkoll – trid mill-anqas tidħol fil-politika, tattendi l-każini, tiddiskuti programmi u tagħraf is-sengħa tal-kampanja mill-anqas ta’ 14! Tiftaħ il-bieb u jiġi tifel mhux għal Haloween jew biex ikantalek waħda għall-Milied imma biex tivvutalu. Kieku mhux daqstant riskjuża tgħid li hi tad-daħk. Ejja nsaħħu t-tagħlim tal-istorja u niddibattuha ma’ uliedna, imbagħad naraw kif immorru.

Ritratt f’ras-il blog : Ir-rettur tal-Università ta’ Wroclaw fil-Polonja jieħu l-applaws wara li daqq Bach fuq l-orgni għall-konferenza li attendejt f’Ottubru meta Wroclaw hi l-Belt Ewropea tal-Kultura.

Ir-ritratt tal-ġimgħa: ġemgħa ta’ atturi li f’nofs Ottubru fakkru r-rebħa tan-Normanni fuq l-Ingliżi f’Hastings fl-1066 li permezz tagħha n-Normanni waqqfu l-linja irjali ġdida li għadha għaddejja sal-lum.

atturi

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend