Il-morning-after pill se tkun tista’ tinxtara mingħajr il-preskrizzjoni tat-tabib. Dan ikkonfermatu l-Awtoritá tal-Mediċini.
Dan wara d-deċiżjoni li ħa l-kumitat konġunt tal-parlament dwar is-saħħa, l-affarijiet soċjali u dak tal-familja, li kkonkluda li għandha tkun l-Awtorità tal-Mediċini li tiddeċiedi jekk il-morning-after pill għandhiex titħalla tidħol Malta, iżda din qatt m’għandha tinbigħ mingħajr riċetta tat-tabib.
Dan l-iżvillupp tħabbar ġurnata biss wara l-protesta kontra l-bżonn tat-tabib biex tieħu l-MAP ilbieraħ fil-Belt Valletta. Fl-aħħar jiem kienu bosta l-fondazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet li protestaw kontra l-bżonn tal-preskrizzjoni u li l-morning-after pill hija pillola ta’ emerġenza għal raġuni.